Il-Prim Ministru juża dibattitu fil-parlament li kellu jkun fuq l-ambjent biex jgħatti xturu fuq l-iskandlu tal-isptarijiet.
Minn osservatur politiku
Fil-Parlament ilbieraħ reġa’ kellna farsa oħra. Assistejna għal battibekk ieħor bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Din id-darba l-kwistjoni inqalgħet minħabba t-tielet rapport li ppubblika l-Awditur Ġenerali rigward it-tliet sptarijiet li kienu mgħoddija lil Vitals/Steward.
Mal-pubblikazzjoni tar-rapport lill-Parlament, il-whip tal-Gvern ħareġ bis-suġġeriment li jagħmel diskussjoni parlamentari fuq ir-rapport dak il-ħin stess. Issa wieħed irid jifhem li dan ir-rapport huwa twil 450 paġna li mintiex se taqrah f’ħakka t’għajn. Barra minn hekk ġie ppubblikat ukoll sintesi tar-rapport li xorta waħda fih 100 paġna. Wieħed jifhem li kull min jaqra rapport bħal dak irid, mhux biss jaqrah imma jifhmu sewwa u janalizzah tajjeb.
L-idea tal-whip tal-Gvern ma kienetx tagħmel sens li kellu jiddiskuti dawn ir-rapporti mingħajr ma jingħata ċans lill-Oppożizzjoni li janalizzaw dawn ir-rapporti. Mhux faċli li wieħed janalizza rapport twil f’qasir żmien. Mela kien falz l-argument tal-whip li ssir diskussjoni mmedjata. Ir-raġuni kienet li l-Prim Ministru kien ser ikun imsiefer fil-ġranet ta’ wara. Wieħed jifhem li l-Prim Ministru ikollu l-impenji tiegħu imma bil-fors trid tifhem l-argument imressaq mill-Oppożizzjoni li almenu kellhom bżonn ġurnata biex jifhmu l-messaġġi mogħddijin mill-Awditur Ġenerali.
Fil-Parlament ilbieraħ kien hemm aġenda totalment differenti, fil-fatt kellu jiġi diskuss l-ambjent, suġġett importanti ħafna għal pajjiżna. Imma għalkemm l-ispeaker wasal għall-konklużjoni li ma kien hemm ebda ftehim bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni li jiġi diskuss ir-rapport, xorta qam il-Prim Ministru u ndirizza l-Kamra bis-suġġett ikun ir-rapport tal-Awditur.
Assistejna għal diskors li kien mwaqqaf kemm -il darba mill-iSpeaker li kontinwament talab li l-kelliem, f’dal każ il-Prim Ministru, għandu jibqa’ mas-suġġett tad-diskussjoni li kien l-ambjent. Imma l-Prim Ministru, għalkemm imwaqqaf kemm-il darba, baqa’ għaddej bid-diskors tiegħu fuq ir-rapport. L-Oppożizzjoni oġġezzjonat għal din l-attitudni u qalet diversi drabi li l-Prim Ministru ma kienx qed iżomm mas-suġġett tal-ġurnata, jiġifieri mas-suġġett tal-ambjent.
B’dispjaċir wieħed jinnota li l-Prim Ministru ġie jitmellaħ minn dak li beda jgħid l-iSpeaker tal-Kamra tal-Parlament u baqa’ għaddej allavolja ġie mwaqqaf kemm-il darba. Din fiha nfisha turi kemm il-Prim Ministru jiġi jitmellaħ mill-iSpeaker li huwa l-President tal-Kamra tal-Parlament. Mingħajr ebda dubju ħarġet l-arroganza tal-Prim Ministru nnifsu u tal-Partit fil-Gvern. Dawn huma sitwazzjonijiet li kull min isegwi l-Parlament ma għandux jassisti għalihom. Kienet diskussjoni li marret barra mis-suġġett, l-importanti li l-Prim Ministru jgħaddi l-kummenti tiegħu. Dawn mhumiex affarijiet li jonoraw lill-Partit fil-Gvern għax qed jibgħat messaġġ li hu jibqa’ għaddej romblu fuq kull min jipprova jiqaflu.
Anzi jikkonfermaw li l-Prim Ministru jinsab f’paniku.
