Il-partit politiku li ser jibda’ jerbaħ l-elezzjonijiet futuri huwa dak li jikkonvinċi lill-elettorat li huwa l-inqas arroganti.

Minn Edwin Vassallo

Il-Prim Ministru Robert Abela issa qiegħed idur għall-istrateġija tal-miskin. Wara d-disfatta tal-meeting tal-“1 ta’ Mejju”, biex jiġbor miegħu l-Laburisti li telquh, issa qiegħed imur lura għall-istrateġija li kien rebaħ biha Joseph Muscat meta fi żmien Simon Busuttil kellu l-għajta li l-PN ried jitfgħu l-ħabs. Infakkar li Muscat kien jgħid li kulħadd kien kontra tiegħu. Kien f’dawn iċ-ċirkostanzi li Muscat kien jakkuża lill-PN li jridu jitfgħuh fil-ħabs. Il-PN issa ilu snin bl-għajta tal-korruzzjoni u tal-kundanna kontra min qiegħed ikun involut fil-korruzzjoni. Minkejja l-verita’, li bla dubju tidher li teżisti, il-PN xorta qatt ma żied fl-appoġġ mal-poplu. Hawn qiegħed il-qofol ta’ kollox.

Hawn qegħdin naraw liż-żewġ partiti kbar jikkrollaw taħt il-piż ta’ ġrajjithom u tal-għemejjel tagħhom. Il-PL qed jitlef l-appoġġ għaliex il-korruzzjoni qed twassal lil dan il-partit biex ikompli jsir il-partit ħabib tal-kbar. U issa qed jiġrilu bħal PN. Meta ssir il-partit tal-kbar, issir il-partit tal-arroganti. Issa dan ma għadux sigriet moħbi. Dan huwa dak li l-Laburisti ġenwieni qed jaraw u jesperjenzaw fil-partit tagħhom; għalihom dan il-partit qed jispiċċa arroganti. F’dan il-kas, l-arroganza qed tnawwar lill-PL aktar milli qed tnawwar il-korruzzjoni. Dan għaliex l-akkuża tal-korruzzjoni ma ħadmitx. Ħafna u ħafna nies gawdew mill-korruzzjoni. Fuq kollox, issa din saret akkuża qadima. In-nies għajjew jismgħuha. Minkejja li ħafna u ħafna nies jifhmu li jista’ jkun hemm is-serq, iżda jifhmu wkoll li ma’ dan il-gvern kulħadd kiel minn fuq il-korruzzjoni.

Fuq kollox, dan il-gvern għandu costumer care intelliġenti ħafna. In-nies kielu huma wkoll u la marru tajjeb jaħfru u jinsew l-akkuża tal-korruzzjoni. Pero’ dak li qiegħed jgħerri lil-Labour hija r-realta’ tal-arroganza. Din il-Laburisti mhux ser jaħfruha lill-partit tagħhom. Il-fatt li wħud mill-Ministri etc mhux ikellmu jew jaqdu lil min qiegħed imur biex jinqeda minn għandhom qed toħloq problemi kbar lil-Lejber. Imma il-PN mhux qed jiggwadanja xejn għaliex f’għajnejn il-partitarji Laburisti għadu jidher bħala partit tal-imqiti.

Għalhekk sakemm il-PN ser jibqa’ jattakka lil-PL bil-korruzzjoni u mhux bl-arroganza bħal ma kien jattakka Joseph Muscat lill-gvern ta’ Gonzi, il-PN mhux ser jimxi ‘l quddiem. Imma biex il-PN jattakka bl-arroganza, ma jridx jibqa’ arroganti hu. Ir-realta’ hi li l-PN iħossu dgħajjef jattakka bl-arroganza lill-PL meta l-istess PN għad hemm min jemmen fl-arroganza. Għalhekk il-PN mhux jitwemmen meta jgħid li bħala partit ma għandux arroganti. Dak li jrid jagħmel il-PN hu li jneħħi kull traċċa ta’ arroganza.

Il-PN irid joqgħod attent għaliex la darba issa ma baqax aktar differenza ideoloġika bejn iż-żewġt partiti, l- unika verita’ li jfittxu n-nies fil-partiti rispettivi tagħhom hija biss meta jirrispondu għall-famuża mistoqsija “jien min ser jaqdini l-aħjar jekk jkolli u meta jkolli bżonn xi ħaġa?” Imsomma, in-nies qed jaraw liż-żewġ partiti kif kien rahom l-iżviluppatur Chetcuti, bħala żewġ supermarkets; daqqa jixtru mingħand wieħed u daqqa jixtru mingħand l-ieħor. Mela llum l-elezzjoni ser tintrebaħ min minnhom ser jkun l-inqas arroganti. Din il-verita kollha li PN mhux joffri risposta għaliha.

Jista’ l-PN jikkonvinċi lin-nies li mhux ser jkun arroganti? Meta t-tweġiba tkun “iva”, il-PN jibda jirbaħ. Jista’ l-PN jikkonvinċi lin-nies li jekk ikun fil-gvern jibda’ jaqdihom? Meta l-PN jifhem li n-nies trid gvern li jserrħilhom moħħhom li meta jkollhom bżonnu għal xi ħaġa jsibuh, hemm il-PN jibda’ jerbaħ. In-nies iridu ma’ min jitkellmu u mhux min isabbtilhom il-bieb f’wiċċhom. In-nies iridu gvern li jistgħu jitkellmu miegħu.

Meta l-PN jibda jifhem din il-ħaġa jibda jirbaħ. Din hi l-verita’ kollha li l-PN mhux joffri tweġiba għaliha. Din hija verita’ politika li ser tkun qed tagħmel id-differenza bejn il-PN u l-PL.

One thought on “Il-partit politiku li ser jibda’ jerbaħ l-elezzjonijiet futuri huwa dak li jikkonvinċi lill-elettorat li huwa l-inqas arroganti.

  1. Naqblu li aktar u aktar nies tilfu l-fiduċja fiż-żewġ partiti ewlenin u qed jippreferu li joqgħodu d-dar milli joħorġu jivvutaw! L-arroganza bla limitu, membri tal-kabinett inkompetenti u bla ħila, nepotiżmu u favoritizmu sfrenat, kostruzzjoni bla preċedent, kwalita’ tal-ħajja fqira, żjieda esaġerat fil-popolazzjoni, skandli u korruzzjoni bla tarf, ċivil fejn biex tavanza skont lil min taf u għoli tal-ħajja nfern huma fost il-fatturi li għerrew il-fiduċja fil-partit il-kbar. Dawn il-fatturi ħadmu kontra ċ-ċittadin onest li jrid jara l-meritokrazija, governanza tajba, istituzzjonijiet li jaħdmu verament, respett lejn l-ambjent, ekonomija soda ibbażata mhux fuq ic-cheap labour, kosturzzjoni kkontrollata, eċċ. Iċ-ċittadin li ma jrid XEJN mill-politiku personali, u min dawn hawn eluf, iridu biss tmexxija serja, onesta, effettiva, effiċjenti u soda. Il-Partit ewlenin qed juru li mhumiex kapaċi li joffru din it-tip ta’ tmexxija!!!!!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *