Il-messaġġ ċar lil Saviour Balzan: issa inti jmiss għax bħal ma telqu oħrajn li kienu f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech, issa jmiss li titlaq inti!

Saviour Balzan u l-gazzetti tiegħu attakkaw bla ħniena lil Rosianne Cutajar dwar il-preżunta konnessjoni li kellha ma’ Yorgen Fenech. Iddemonizzawha fuq livell uman u qatt ma kkundannaw snin ta’ theddid fuqha li laħqu l-qofol tagħhom bil-leaks ta’ chats li issa nafu li ġew mogħtija lil Mark Camilleri mill-avukat tal- familja Caruana Galizia, jiġifieri, Jason Azzopardi. Dawn ma urew l-ebda ħniena, anqas f’ċirkusatanzi li qegħda fihom Rosianne Cutajar, jiġifieri li din bniet relazzjoni ma’ raġel u qed tistenna tarbija. Imma dik hija l-kultura ta’ wieħed mill-membri tal-Opus Dei.

Infakkar li dawn l-istess nies kienu wara l-attakki u l-kampanja maħsuba biex tirredikola lil Edward Zammit Lewis sempliċiment għax kellu chats ma’ Yorgen Fenech. Ovvjament, min ħareġ dawn iċ-chats, kien jaf li membri fil-ġudikatura, li huma wkoll membri tal-Opus Dei, ser jaqbżu għalih. Infakkar li mbagħad dawn in-nies jew nies qrib tagħhom marru jfesfsu f’widnejn Robert Abela biex ma jerġax jaħtar lil Edward Żammit Lewis ministru.

Dawn li jippontifikaw il-qdusija wasslu biex Joe Cuschieri ma baqax Chairman tal-MFSA għax siefer ma’ Yorgen Fenech. F’dawn l-okkażjonijiet kollha, Saviour Balzan ma ddejjaqx li jippubblika siltiet magħżula li kienu ġejjin mill-membru tal-Opus Dei, Jason Azzopardi, ħalli jweġġa’ lin-nies. Jason Azzopardi għamel dan kollu għall-għanijiet personali tiegħu.

Issa Salvu Balzan qed jgħid li qed jiġi rikattat minn Jason Azzopardi li se joħroġlu chats ma’ Yorgen Fenech. Ovvjament, il-persuna li l-Opus Dei ser tuża biex toħroġlu dawn iċ-chats jafha kulħadd. Addio li din kienet l-aktar persuna li ħadmet biex ikisser il-kultura kattolika minn Malta.

Iddefenda ruħu ma’ Newsbook billi attakka lil Anton Attard, li wkoll kien konsulent, kif kienu ħafna nies ta’ Yorgen Fenech. Għaliex Yorgen Fenech ġralu bħal Kristu jew l-iben il-ħali. Meta kien fl-aqwa tiegħu, kulħadd ried ikun ħabib tiegħu. Ara jien qatt ma kont nafu u ma ħadt xejn mingħandu anki jekk xi professura tal-Universita’ ta’ Malta, Vicki Ann Cremona, li llum hija biċċa waħda ma’ Jason Azzopardi u Mark Camilleri, ma tiddejjaqx tigdeb fuqi u tinsinwa li qed nieħu l-flus mingħand Yorgen Fenech. Imma ‘l quddiem ngħidilha lil Vicki Ann Cremona min verament qed jieħu l-flus mingħand Yorgen Fenech. Infakkarha li hemm familji ta’ avukati qrib ir-Repubblichini u l-familja Caruana Galizia u l-knisja li jieħdu l-flus mingħand it-Tumas Grupp għaliex għalihom il-flus ma jintnux. Imma dwar dan nikteb aktar ‘il quddiem.

Imma issa l-principju ġie stabilit. Kull min kellu konnessjoni ma’ Yorgen Fenech irid jitlaq. Saviour Balzan għorok idejh meta ġara hekk u ntlaqat ħaddieħor. Kien iblah biżżejjed li ħaseb li se jibqa’ jilgħaq is-srum għaliex tiegħu qatt ma kienet ser tasal. Issa tiegħu tidher li waslet.

Imma kif telaq ħaddiehor, se jkollu jitlaq hu. Ser ikollu jirriżenja minn Media Today, la darba kien ma’ Yorgen Fenech. What is sauce for the goose is sauce for the gander. Kemm nistaqsih lil Saviour Balzan jekk kienx dan il-messaġġ li bagħat Mark Camilleri fit-telefonata li saret tard bil-lejl lil Matthew Vella wara li l-istess Camilleri kien ippubblika ċ-chats dwar Rosianne Cutajar? U nistaqsi lil Saviour Balzan jekk l-artiklu li kiteb ilbieraħ fuq il-Malta Today kienx minħabba din it-telefonata? Fuq kollox, Camilleri jiftaħar li waqqa’ s-setgħana minn fuq it-tron tagħhom.

Wieħed jistenna li Matthew Vella, li nemmen li hu bniedem ta’ prinċipju jgħid lil Saviour Balzan jew jitlaq hu jew ikollu jirriżenja minn editur. L-istess James Debono u Kurt Sansone, li jitilfu kull kredibilita’, jekk jiddefendu lil Saviour Balzan li issa ġie stabbilit li kien qed fil-klikka ta’ Yorgen Fenech. Finalment dan huwa l-ġist tal-artiklu li ġie ppubblikat ilbieraħ mill-istess Saviour Balzan biex jiddefendi l-azzjonijiet imgħoddija tiegħu.

Issa l-kwistjoni mhux jekk hux se jkollu jirriżenja Saviour Balzan iżda kemm se jdum ma jirriżenja. B’hekk l-Opus Dei tkun tajjret bniedem ieħor min-nofs. Imma Salvu Balzan ħaqqu għaliex xeba’ jivvinta stejjer fuq in-nies, kif kien ivvinta stejjer fuqi, li jien gun for hire. Wara l-istqarrija tal-bieraħ mill-istess Saviour Balzan ħareġ min hu l-veru gun for hire.

One thought on “Il-messaġġ ċar lil Saviour Balzan: issa inti jmiss għax bħal ma telqu oħrajn li kienu f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech, issa jmiss li titlaq inti!

  1. Naħseb li kieku Yorgen Fenech u t-Tumas Group kellhom jiftħu ħalqhom min kienu dawk li avviċinawhom sabiex talbu flus jew xi forma ta’ favur ieħor għaliex il-lista tkun waħda twila wisq!!! Imma basta hawn bosta fariżej li jitkazaw b’ħaddieħor imma fl-istess ħin probabbli huma jkunu għamlu agħar mill-kulħadd. L-Ingliżi jgħidu ‘people living in glass houses should throw stones,’ imma ċertu ndividwi mhux ġebla jitfgħu imma barriera sħiħa. L-aqwa li tagħhom mistur!!! Oqbra mbajda u ipokereti!!!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *