Bernard Grech għadu jbati minn problemi li kkreaw il-liberali fil-Partit Nazzjonalista: l-aġenda għadha tkun magħmula minn Richard Cachia Caruana u Louis Galea

Minn osservatur politiku

Ftit tal-jiem ilu, Herman Farrugia tella’ post fejn talab lil Louis Galea u lil Richard Caruana Galizia, fost oħrajn, biex iwaqqfu l-kult tal-personalita’ li qed joqtol lill-Partit Nazzjonalista. Dan il-kult ta’ personalita’ jikkontrastja mal-pożizzjoni tal-kap tal-Oppożizzjoni. Il-pożizzjoni ta’ Kap tal-Oppożizzjoni toħroġ mill-Kostituzzjoni. Hija pożizzjoni li ġġorr magħha dmirijiet, responsabilitajiet kif ukoll ħafna piżijiet. Dak li hu mistenni minn kap ta’ partit politiku huwa li jkun kapaċi jimraħ fuq iniżjattivi ġodda u jwettaq kambjamenti neċessarji fil-politika tiegħu u tal-partit tiegħu. Dan hu aspett li l-Partit Nazzjonalista ilu jbati fih mill-2008, anzi ngħid minn wara r-rebħa tal-1998. Imma Bernard Grech qed ibati minn numru ta’ fatturi li mhux kollha tort tiegħu. Imma issa jrid ikun produttiv u jrid jibdel ir-rotta. Il-biża’ ta’ ħafna hi li għadu jżomm lilu nnifsu għaddej fuq politika li ilha eżistenti fil-partit u ma ħalla ebda timbru tiegħu.

Waqt li Herman Farrugia semma’ numru ta’ ismijiet, nista’ nżid li llum, min qed verament jiddeċidi l-politika fil-PN huma Richard Cachia Caruana u Louis Galea. Dawn qed iżommu lill-Partit Nazzjonalista marbut mal-imgħoddi. Dan qed iwassal biex il-poplu ma jara ebda politika ġdida li tista’ tkun effettiva fuq l-elettorat. Anzi f’dak li ried ikun ġdid, jiġifieri fuq pożizzjonijiet liberali bħal kannabis, spiċċa biex għamel aktar ħsara milli ġid lill-persuna politika ta’ Bernard Grech stess.

Biex ikun jista’ jiġi konsidrat effettiv, Bernard Grech irid jibdel il-politika li jħaddan il-Partit Nazzjonalista. Fi kliem ieħor ma jistax jibqa’ jiddependi fuq li jgħidulu Louis Galea u Richard Cachia Caruana. Illum dawn wassluh biex spiċċa jmexxi partit li qiesu fotokopja tal-Partit Laburista. Infakkar li nies ta’ Richard Cachia Caruana bdew jgħajtu li huma Laburisti kbar wara l-elezzjoni tal-2013 biex jibqgħu fil-kariga li kellhom.

Għalhekk kien importanti li l-PN kellu jkun partit totalment oppost għal dak Laburista. Dan kellu jibda fuq livell ideoloġiku. Imma għal raġunijiet diversi dan ma jistax iseħħ b’Louis Galea u Richard Cachia Caruana. Dr Grech missu għamel ħiltu biex ressaq lill-partit tiegħu lejn il-politika tal-Partiti Konservattivi u riformisti tal-Ewropa. Imma din ma tistax isseħħ għaliex dawk li qed jifformulawlu l-politika, jiġifieri Galea u Cachia Caruana huma liberali u jxaqilbu lejn id-Demokratiċi Amerikani u lejn l-aġenda woke. Ir-riżultat hu li dan il-partit qed jitlef in-nies.

Għaddew kważi tlett snin u ma kien hemm l-ebda bidla fil-partit li ratu javvanza mal-elettorat. Il-bidla fil-ħsieb politiku tal-Partit Nazzjonalista trid tibda tidher li qed tinħadem. Bernard Grech irid ikollu komunikazzjoni effettiva li twassal biex tibdel il-ħsieb tal-partitarji tiegħu. Irid jagħmel ħiltu biex iwassal din il-politika meta jitkellem fil-parlament, waqt intervisti jew meta ikun qed jagħmel xi diskors. Imma din ma tistax tiġi bi strateġija liberali.

Waqt li bħala mexxej tal-Oppożizzjoni ma jista’ jħalli ebda okkażżjoni tintilef jew tgħaddi mingħajr ma jkun tkellem fuq il-politika tal-Partit tiegħu, irid ikun hu li jispjega u jwassal il-ħsieb politiku u t-tibdil li qed jipprova jwettaq, jekk verament qed jipprova jbiddel. Iż-żmien għaddej u ma jistenna lil ħadd, imma għad ma hemmx dik it-tmexxija ta’ partit kbir politiku li suppost qed iressaq lis-sostenituri tiegħu lejn it-twemmin li l-Partit Nazzjonalista huwa verament il-Partit alternattiv għall-Gvern tal-ġurnata. U ta’ dan, dawn l-éminence grise, jiġifieri Louis Galea u Richard Cachia Caruana, għad iridu jagħtu rendikont tal-falliment tagħhom lill-istorja ta’ dan il-partit.

Din is-sitwazzjoni ġiet riflessa f’dan il-post.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *