Għala r-Repubblichini mhux jattakkaw lil Ian Spiteri u lil Antoine Borg wara li dawn ingħataw ħatriet minn dan il-gvern tal-Lejber?
Il-media tatna l-istorja li l-eks-Sindku Nazzjonalista ta’ Ħal Balzan, Ian Spiteri sar ambaxxatur tar-Rumanija. Kif ġa rrapporta dan is-sit, din il-ħatra ġabet ir-reazzjoni ta’ Rosianne Cutajar u anki ta’ numru ta’ Laburisti.

Bħala sit, ma għandix dubju li Ian Spiteri jixraqlu din il-kariga. Imma wieħed irid ifakkar li Ian Spiteri irriżenja minn sindku ta’ Ħal Balzan waqt li kien hemm Adrian Delia fit-tmexxija. Ara dak iż-żmien, kemm ir-Repubblichini u l-media ħbieb tagħhom kienu wżat dan il-każ biex jagħmlu ħsara lil Delia. Illum Ian Spiteri leħaq taħt Robert Abela u forsi għaliex huwa ħabib ta’ Robert Abela minn żmien li kienu flimkien fl-Universita’, ir-Repubblichini b’ħalqhom magħluq. Issa, ir-Repubblichini mhux qed jitkażaw b’dan il-gvern korrott ta’ Robert Abela. Wieħed minn tagħhom mar jaħdem miegħu.
Hemm ieħor li kien mar-Repubblichini. Dan hu Antoine Borg. Borg hu eks-MP Nazzjonalista. Dan kien ġie appuntat fuq il-bord tal-Arbitru tas-Servizzi Finanzjari mill-gvern tal-Lejber. Ara fuq din il-ħatra, ir-Repubblichini wkoll b’ħalqhom magħluq. Antoine Borg kien il-kontrollur tal-finanzi tal-PN u taħtu saret il-ħerba finanzjarja fil-Partit Nazzjonalista. Id-dejn tal-PN sploda u llum, għaxar snin wara, il-PN għadu ma jistax isib saqajh. Spiċċa partit fallut. U dan illum qiegħed fuq bord tal-gvern fuq materji finanzjarji fejn, biex tkun appuntat fuqu, trid tkun togħġob lill-gvern tal-ġurnata.
U għal ġieħna, dawn kollha kienu jmorru għall-protesti tar-Repubblichini fuq ‘good governance’. Tgħid Antoine Borg għadu jmur għal dawn il-protesti wara li dan il-gvern qegħdu fuq dan il-bord tal-Arbitru tas-Servizzi Finanzjarji?
Infakkar li Borg inqabad jgħaddi informazzjoni lil Daphne Caruana Galizia kontra Adrian Delia. Issa dan il-Bord tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji huwa mmexxi minn Alfred Mifsud li għadu kif rebaħ libel fuq il-gideb li gidbet fuqu Daphne. Tgħid għalhekk li r-Repubblichini mhux jattakkaw din l-għażla ta’ Alfred Mifsud biex imexxi dan il-bord, għaliex fuqu hemm seħibhom Antoine Borg?
