Deċiżjoni tajba tal-PN li jmur għand il-Kummissarju tal-Pulizija dwar il-kuntratt tal-Vitals
Minn osservatur politiku.
Pass ieħor fil-ġlieda biex toħroġ il-verita’ kollha dwar il-ħtif tat-tliet sptarijiet li kkonċeda il-Gvern ta’ Joseph Muscat lil Vitals u wara lil Steward. Adrian Delia flimkien ma’ Bernard Grech ppreżentaw denunzja lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jibda investigazjoni b’rabta mad-deals frawdolenti tat-tliet sptarijiet.
Dan għamluh għax qed jirrealizzaw li ma hemm ebda ħeġġa biex xi ħadd jibda’ jinvestiga ħalli toħroġ il-verita’ ta’ kif bdiet u kompliet din is-saga. Donnu ħadd ma jinteressah min huma dawk in-nies li kellhom idejhom fil-borma u jafu x’ħawdu biex seħħet din is-serqa kbira fuq il-poplu Malti u Għawdxi.
Adrian Delia u Bernard Grech qed iħeġġu lill-Kummissarju biex jibda’ l-investigazzjonijiet tiegħu fuq diversi nies imdaħħlin f’din is-saga. Għaddew kważi tlett xhur minn meta ħarġet is-sentenza tal-Imħallef Depasquale li rritornat l-isptarijiet f’idejn il-Gvern Malti. Għadda żmien biżżejjed biex l-awtoritajiet konċernati jieħdu l-passi neċessarji biex jinvestigaw. Imma kif diġa’ stqarrejna ma jidher li hemm ebda ħeġġa min-naħa tal-pulizija. Lanqas awtoritajiet oħra ma huma qed juru ħeġġa biex jibdew xi tip ta’ investigazzjonijiet.
Kellu jkun għal darba oħra Adrian Delia li flimkien ma’ Bernard Grech injettaw dik id-doża neċessarja biex forsi xi ħadd jistenbaħ. Il-Partit Nazzjonalista ser ikompli jagħmel il-ħila tiegħu biex jottjeni xi tip ta’ riżultat. Adrian Delia ser ikompli bil-ġlieda tiegħu mhux biss biex iġib l-isptarijiet lura imma li jara li kull min kien involut f’din is-serqa jieħu dak li ħaqqu. Irridu niftakru li hemm diversi miljuni ta’ euro li ħadd ma jaf fejn spiċċaw. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed ikompli jistinka biex jikxef il-verita’ kollha.
Imma biex tinkixef il-verita’ hemm bżonn li jagħmlu xogħolhom l-awtoritajiet konċernati. Huwa għalhekk li issa kien imiss din id-denunzja biex forsi jiġi nstigat jew imbuttat il-Kummissarju tal-Pulizija biex jaġixxi. Iż-żewġ rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista marru d-depot tal-pulizija biex preżentaw personalment id-dokumentazzjoni kollha neċessarja biex il-Kummissarju jkun armat biżżejjed biex ikun jista’ jibda’ jistħarreġ.
Irridu niftakru li s’issa ħadd mill-awtoritajiet għadu ma ċċaqlaq. Irid ikun bil-fors il-Partit Nazzjonalista li jibqa’ jistinka biex din is-saga tkompli u tasal għal dak li tant huwa mixtieq mill-poplu kollu Malti u Għawdxi, dik li toħroġ il-verita’ kollha.
