Ic-CEO tal-Partit Laburista ftakar li għadu jeżisti l-ħaddiem.
Minn Edwin Vassallo
Jidher ċar li l-Partit Laburista qed iħoss il-pressjoni li n-nies qed jitilqu. Anki jekk f’dawn l-aħħar snin bella’ lill-poplu Malti kull aġenda woke li teżisti, in-nies qed jitilfu l-fiduċja f’dan il-Partit. Jekk wieħed irid prova jara l-intervista li ta Randolph Debattista.
Jgħid x’jgħid ic-CEO tal-Partit Laburista, il-kelma ħaddiem illum qed tintuża darba fis-sena għaċ-ċelebrazzjonjiet tal-1 ta’ Mejju. Mill-bqija, matul is-sena, ħadd ma jimpurtah mill-ħaddiem. Anzi l-kelma “ħaddiem” ma hija relevanti għall-ħadd mill-Partit Laburista, bħal ma għadha xejn relevanti il-kelma “middle class” għall-PN.

Il-kuxjenza soċjali u politika ntilfet miż-żewġ partiti, għaliex illum il-politika saret biss management ta’ sitwazzjonijiet fejn fis-soċjeta’ jikkmanda biss “Alla tal-flus”. F’din il-politika, il-bniedem tilef ir-relevanza tiegħu kemm jekk hu ħaddiem u kemm jekk pensjonant u kemm jekk hu student. Kull individwu sar parti minn katina fil-proċess tal-produzzjoni. Dan kien ġa rah Karl Marx fis-seklu dsatax. F’din is-sistema, il-bniedem tilef ir-relevanza u l-umanita’ tiegħu u ġie ridott biss għall-votant fi proċess demokratiku li sar ifisser għażla ta’ dittatura demokratika għall-ħames snin.
Kemm jekk il-PL, kif jekk ikun il-PN, il-politika tal-partiti llum irrendiet id-dinijita’ umana għall-oġġett immanipulat mis-suq tal-kbar u l-elitisti. Is-suq politiku sar magna għall-partiti li jkunu jridu jirbħu akkost ta’ kollox l-elezzjoni kull ħames snin.
Din hija l-problema ta’ Randolph Debattista għall-PL u l-oħrajn bħalu. Dawn irrendew lill-PL f’partit tal- kbar, tal-elitisti li moħħhom kif ser jagħmlu l-flus filwaqt li lill-ħaddiem jilgħabu bih bħal ma tfal kienu jilgħabu bil-gugaralli. Imma mbagħad jgħidulu li tawh il-liberta’ miċ-ċintorin l-isfel, imma fil-verita’ lanqas dar ma għadu jaffordja fejn jista’ jgħix.
Skużani għażiż “ħaddiem”. Skużani għalkemm dejjem ngħid li mhux veru “li ħadd ma huwa akbar mill-partit“, ibda emmen fik għaliex jekk ma temminx fik innifsek int, ħadd ma huwa ser jemmen fik. Tħallix li int tintuża, u jagħmluk numru fis-sistema li nsiet li l-ħaddiem huwa bniedem, imma l-aqwa li jagħti l-vot ħalli erbgħa jkomplu jikbru minn fuq dahru.
Iż-żewġ Partiti ewlenin tilfu u qed tilfu dejjem aktar nies li kienu votanti tradizzjonali tagħhom. Partiti li mhumiex kredibbli u tilfu kull valur li għalih kienu twaqqfu! Il-Korruzzjoni, l-arroganza, il-kostruzzjoni bla rażan, il-qerda tal-ambjent, in-nepotiżmu, favoritiżmu, meritokrazija zero, promozzjonijiet fis-settur pubbliku skont lil min taf, eċċ. Iż-żewġ partiti ewlenin konxji dwar dan u għandhom ferneżija li din iċ-ċirkostanza tista’ tagħti lok għat-tielet partit f’pajjiżna li jiffjorixxi. Niftakru li hemm eluf ta’ votanti li mhumiex lesti li jagħti l-vot tagħhom lil xi wieħed miż-żewġ partiti.
Ghad demokrazija jehtieg it tielet u anki ir raba partit, pero l ADPD u il partit Popolari qadt ma jaghmlu protesti u juru il membri li ghandhom.
Dawn veritieri jew biex jaljenaw?