Clyde Caruana u Randolph Debattista ma jaqblux dwar jekk Malta għandhiex bżonn ta’ aktar ħaddiema barranin.

Minn osservatur politiku.

Lil min ser taqbad temmen? Kellna lil Randolph Debattista, waqt intervista mal-Malta Today, jgħid li għad għandna bżonn aktar ħaddiema fuq in-naħa ta’ isfel tal-faxxa ekonomika għax għad għandna lil kuntratturi/żviluppaturi li jistaqsu għan-nies biex jaħdmu magħhom. Fil-waqt li ftit tal-ġimgħat ilu kellna lil Clyde Caruana jgħidilna li dik is-sistema ta’ importazzjoni ta’ ħaddiema trid tiġi riveduta.

Dawn it-tnejn min-nies qed jirrappreżentaw lill-Partit Laburista fil-Gvern, imma wieħed huwa Ministru u ieħor huwa deputat u fuq kollox iċ-CEO tal-Partit Laburista. Imma lil min ser taqbad temmen minnhom fuq din il-kwistjoni taħraq li poġġiet lill-pajjiżna jiffaċċja ħafna problemi. Kulħadd jifhem li ż-żieda qawwija li kellna fil-popolazzjoni f’dawn l-aħħar għaxar snin fawret lil Malta u Għawdex b’ħafna nies li numru mdaqqas minnhom qed jgħixu fuq livelli ta’ faqar.

Naħseb li l-Ministru Caruana li għandu l-polż ekonomiku f’idejh jaf x’qed jgħid meta jistqarr li hemm bżonn inwaqqfu l-importazzjoni ta’ dawn in-nies, minn pajjiżi terzi, li qed joħonqu lil Malta u Għawdex. Ma jistax ikun li pajjiżna jibqa jsostni lil din il-kwantita’ ta’ nies li qed jiġu, għaliex l-ekonomija tal-pajjiż ma għadhiex tiflaħ għal dan kollu. Dan qed jgħidu l-Ministru tal-Finanzi li qed imiss b’idejh l-andament finanzjarju tal-pajjijż.

Mill-banda l-oħra kellna lil deputat tal-Gvern li qed jirraġuna li l-Partit Laburista ma għamel xejn ħażin billi nvesta fl-importazzjoni ta’ tant ħaddiema minn pajjiżi terzi. Aħna bil-fors irridu nilqgħu fostna dawk li ġejjin minn pajjiżi Ewropej bħalma aħna mmorru f’dawn il-pajjiżi. Imma li nimpurtaw nies minn pajjiżi terzi kienet għażla tagħna. Minn jaf Clyde Caruana kemm daħħal nies f’Malta meta kien imexxi lil Jobsplus?

Imma issa rridu naraw kif qegħdin illum. Iż-żewġ rappreżentanti tal-Partit Laburista jridu jiddeċiedu li jaqblu bejniethom għax inkella jkomplu jħawdulna rasna. Għax jekk ma jaqblux bejniethom dawn it-tnejn li qegħdin jaħdmu fuq it-twettiq ekonomiku fil-pajjiż, kif ser inkunu nafu aħna x’għandha tkun it-triq għall-futur ta’ pajjiżna.

Randolph Debattista jrid jiddeċidi liema hi t-triq ‘l quddiem. Ma jistax ikun li biex jiddefendi r-ritmu tal-Gvern tiegħu jiddefendi dak kollu li jagħmel il-Gvern u ma jsib ebda kritika għal dak li twettaq. Ma jistax ikun li nibqgħu nħarsu mil-lenti partiġġjana l-aqwa li l-partit tagħna ma jkun qatt fid-dnub. Qabel jiddeċidi li jagħti r-risposti tiegħu Debattista jrid iħares lejn il-ġid tal-poplu kollu Malti u Għawdxi. Ma jistax ikun li jiddefendi lill-Partit tiegħu fuq kwalunkwe suġġett u f’kull istwazzjoni.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *