Il-Partiti l-kbar qed iħossu l-political fatigue
Illum il-Ħadd kellna liż-żewġ mexxejja tal-Partiti l-kbar jagħmlu d-diskorsi tagħhom. Imma dak li jolqtok kien il-fatt li kemm il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jonqsulhom in-nies. Il-Prim Ministru Robert Abela mar Ħal Qormi. Dan kien test għalih. Dan kien id-distrett ta’ Rosianne Cutajar imma kien ukoll id-distrett li fuqu kien joħroġ. Wieħed irid jgħid li kellu folla mdaqqsa. Imma forsi wieħed jistaqsi jekk din kienetx il-folla li wieħed jistenna f’raħal li hu mitqies bħala lokalita’ b’saħħitha Laburista. Jekk wieħed iħares lejn ir-ritratti ppubblikati b’mod uffiċjali, jidhru ħafna nies.
Imma meta tħares lejh minn angoli oħra, jidher li ma tantx kien hemm nies. Fuq kollox, wieħed jiddubita kemm in-nies kollha li kien hemm kienux Qriema kollha.

Dak li forsi wieħed irid jgħid li l-Prim MInistru qed jinduna li ċertu politika li ħaddan fl-imgħoddi gerrxet lill-Laburisti għaliex il-messaġġ jidher li kien mibni fuq l-element tar-rispett u tal-ħbiberija u tal-kolleġġjalita’.

Min-naħa l-oħra, illum kellna lil Bernard Grech jitkellem fil-Għargħur. Din hija lokalita’ mitqiesha Nazzjonalista. Hawnhekk l-attendenza kienet ħafna agħar minn dik tal-Prim Ministru. Għaliex kieku ma marrux xi erba’ deputati Nazzjonalisti u ftit uffiċjali tal-partit, kieku ma kien ikun hemm ħadd jisma’ x’inhu jgħid Bernard Grech.
Dak li wieħed jinnota li Bernard Grech iddedika d-diskors tiegħu għall-għoli tal-ħajja. Kien messaġġ tajjeb u pożittiv. Dan kien argument li kien qed jagħmel dan is-sit. Jidher ċar li l-kritika qed tinqara u qed ikun hemm reazzjoni. Bħala sit nieħu gost nisma’ b’dawn il-fatti.
Imma fuq kollox, dak li qed jikteb dwaru dan is-sit qed iseħħ. Il-partiti l-kbar qed jitilfu ħafna mis-segwaċi tagħhom. Anzi l-PN tilifhom għal kollox. Dan hu l-fatt li llum qed iżomm lill-PL b’saħħtu.

Ovvja. Il-partit tan-nies li ser jibqgħu d-dar qed jikber bis-siegħat! Il-partiti l-kbar tilfu l-aktar ħaġa kruċjali ma’ l-elettorat; il-kredibilita’! Stejjer li jirrepettu ruħhom ikun min ikun fil-gvern; korruzzjoni, arroganza mill-membi tal-kabinett, promozzjonijiet u ħatriet inġusti, nepotiżmu, favoritiżmu, ħbieb tal-ħbieb u dekadenza papali!! Jidher ukoll li l-Partiti l-kbar tilfu wkoll ir-ruħ tagħhom li sawrithom u allura l-votanti tradizzjonali mhumix lesti li jkomplu jappoġġja partit li tilef il-valuri li sawruh!!!