Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti u tweġiba tiegħu lin-NET dwar il-prezz tal-ħobż.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti huwa wiċċ ġdid u frisk fil-politika. Din il-ġimgħa qajjem diskussjoni mhux minħabba ħidmietu imma bit-tweġiba li ta meta ġie mistoqsi minn ġurnalist tan-Net kemm tiswa ħobża mqatta’ u kemm din għoliet. Azzopardi Tanti deher viżibilment skomdu u imbarazzat u ma kienx kapaċi jwieġeb għall-mistoqsija sempliċi.

Imma ma naħsibx li l-ġurnalisti kienu fair miegħu. Waqt li nifhem li llum Azzopardi Tanti hu animal politiku, u għalhekk hu suġġett għal kull tip ta’ skrutinju, il-fatt li ma jafx il-prezz tal-ħobż ma jfissirx li huwa maqtugħ mill-poplu. Dan l-argument kien jgħodd storikament kieku sar aktar minn għoxrin sena ilu. Jekk wieħed jistaqsi lili kemm tista’ ħobża, ngħidlek li ma nafx. Jekk tgħidli kemm għoliet ħobża l-anqas naf għaliex ma nixtrix il-ħobż. Illum, mhux bħal qabel, mhux kulħadd jixtrih il-ħobż. Issa jekk Azzopardi Tanti huwa wieħed bħali u ħobż ma tantx jiekol jew ma jiekol xejn, ma hux ser ikun jaf kemm jiswa jew kemm għola l-ħobż. Mela kumment politiku bħal dan mhux ser ikollu effett fuq kulħadd. Dawk bħali li ma jieklux ħobż, mhux ser jolqothom.

Mela is-suġġeriment tiegħi f’dawn iċ-ċirkustanzi huma li politiku għandu jkun onest u jgħid mill-ewwel li ma jafx u ma joqgħodx idur mal-lewża. U jekk ma jafx, jgħid għaliex ma jafx – għaliex ma jixtrix ħobż. Ma naħsibx li bi tweġiba bħal din kien ser ikun qed iwassal messaġġ li qalbu mhux mal-ħaddiema u maż-żgħir jew li hu njorant.

Imma nemmen li dak li qed jiddistakka lill-politiċi minn maż-żgħir hija ċerta mġieba u life style tagħhom. Hemm abitudnijiet bħal ma huwa l-użu ta’ karozzi lussużi, li qed tibgħat messaġġ ta’ arani u la tmissnix. Hemm imbagħad l-abitudni li politiku jibda jinsa lin-nies li eleġġewh. Nifhem li l-ministri huma ntitolati għal karozza. Nifhem li din hija tal-gvern u nifhem li kull ministru, hu ta’ liema partit hu, dejjem jipprova li jkollu karozza kbira – top of the range. Nemmen li abitudnijiet bħal dawn jaqtgħu lill-ministri kompletament minn man-nies u mir-realtajiet li jgħixu u jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum in-nies. Għan-nies dawn huma aktar importanti minn kemm tiswa’ ħobża! Magħhom hemm imbagħad l-imġieba sesswali ta’ ċertu ministri li qed twassal biex l-istess ministri u segretarji parlamentari ma baqgħux focused fuq xogħlhom. Ara fuq dawn il-punti, il-media ma titkellimx. Il-media titkellem biss fuq l-imġieba sesswali ta’ xi politiku mara f’Malta, imma qatt fuq l-imġieba sesswali ta’ politiku raġel, anki jekk minħabba din l-imġieba, il-ministru jispiċċa jitlef il-boxxla fuq ix-xogħol tiegħu. Hemm hekk, il-media tgħattilu u tiddefendih.

Mela l-fatt li ma tkunx taf twieġeb mistoqsija bażika ta’ kemm għola l-ħobż mhux bilfors turi li l-ogħli tal-ħajja mhux tħossuh. Imma l-fatt li tiġri b’karozzi lussużi u ġġib ruħek qiesek qiegħed f’xalata, fejn ministeru jsir burdell, hemmhekk iwa, tkun qed tibgħat messaġġ li inti distakkat mis-soċjeta’. Għal min hu fuq paga minima u qed jagħmel is-sagrifiċċji biex jasal sal-aħħar tax-xahar, dawn huma l-affarijiet li jħares lejhom. Dawn illum qed jindunaw, kif qed jikteb tajjeb Edwin Vassallo dwar kif iżżidiet fit-tariffi tat-traffiku li għaddew baxx baxx f’dawn il-jiem, ser iwasslu biex għal xi wħud, li jkollhom karozza ser isir lussu.

Għalhekk nemmen li dak li jweġġa’ l-għajn huwa aktar il-fatt li wieħed jara ministru jew segretarju parlamentari li għadu jilħaq jinstaq mix-xufier tiegħu ġo Alfa Romeo Stelvio li l-prezz fis-suq tagħha jibda minn €47,000. Dwar din l-għażla ta’ karozza għandi d-dubji tiegħi kemm qed iżomm mal-guidelines u ispecifications tal-karozzi maħruġa mill-kap taċ-Ċivil għal dak li huma karozzi li jistgħu jinstaqu mix-xufiera tas-segretarji parlamentari u ministri. Dan japplika għal membri kollha tal-kabinett li jiddandnu bħal sħabhom u mhux qed niktbu għal xi membru partikolari.

Imma nħoss li n-NET mhux kapaċi jistaqsu fuq dawk l-affarijiet li verament huma ta’ tħassib bħal dawk dwar kif l-imġieba sesswali minn ċertu ministri rġiel qed ittellifhom milli jibqgħu ffukati fuq xogħlhom. Qed ngħid dan, għaliex fejn iridu, l-istess ġurnalisti ma jiddejqux jistaqsu fuq l-imġieba sesswali ta’ xi deputata parlamentari mara, imma fejn jaqblilhom jgħidu li l-ħajja sesswali hija privata!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *