F’Malta għandha dittatura eletta mill-poplu kull ħames snin: il-PAC jista’ jżarma għax illum Malta għandha dittatura eletta kull ħames snin

Minn Edwin Vassallo

B’deċiżjoni li ħa l-Ispeaker tal-Kamra, il-Public Accounts Committee (PAC) jista’ jżarma. Il-PAC huwa l-uniku kumitat fil-Parlament li jitmexxa mill-Oppożizzjoni. Diġa’ fil-funzjoni tiegħu, dan hu kumitat bla snien. Issa spiċċa bla xedaq ukoll. Qed ngħid dan għaliex ftit tal-jiem ilu kellna r-ruling tal-Ispeaker fil-konfront ta’ Keith Schembri. Schembri kien ġie msejjaħ biex jidher quddiem dan il-kumitat. Il-membri Nazzjonalisti fetħu kawża fil-qorti minħabba dak li Schembri qal lil dan il-kumitat. Bir-ruling tiegħu, l-Ispeaker ikkonferma s-supremazija tal-Qorti bħala l-għola awtrorita’ ta’ ġudizzju. Fl-istess waqt, minn issa l-quddiem, dan ir-ruling jista’ jibda tintuża favur kull persuna li tiġi mgħajta u mitluba tidher quddiem il-PAC. Allura, jekk din il-persuna tkun diġa’ involuta f’każ fil-qorti, tista’ tibda tirrifjuta li tirrispondi għaliex tista’ tippreġudika l-kas tagħha fil-qorti. Imma dan ir-ruling mar pass oltre, jekk membri ta’ dan il-kumitat jiftħu kawża lill-persuna li dehret tixhed quddiemhom, dawn ma jistgħux ikomplu jistaqsuha.

Dan ir-ruling jista’ jintuża ukoll biex persuni oħra ma jirrispondux mistoqsijjiet tal-PAC bl-argument li ma jkunux jridu jippreġudikaw xi kas fil-qorti li diġa’ jkun miftuħ minn persuna oħra u li fih l-istess membri tal-kumitat jistgħu huma wkoll jkunu xhieda. Filwaqt li r-ruling tal-iSpeaker jista’ jkun legalment korrett u validu, maħsub biex iħares id- drittijiet tal-persuna li tkun qegħdha tidher quddiem il-PAC, fl-istess waqt, dan ir-ruling ta daqqa ta’ ħarta lill-operat tal-istess parlament f’dik li hija l-ħidma tal-kumitat bħal ma hu l-PAC.

Issa huwa f’idejn l-Oppożizzjoni kif ser tagħraf tuża din id-deċiżjoni u ddawwarha favur tagħha. Infakkar li l-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi kien maħsub sa mill-bidu biex jintuża mill-oppożizzjoni fl-iskrutinju tagħha ta’ uffiċjali pubbliċi u taċ-ċivil f’dak li huma kontijiet u finanzi tal-pajjiż.

Din id-deċiżjoni għandha twassal biex xi darba, xi ħadd, jerġa’ jibda jaħseb kif tassew f’dan il-pajjiż jista’ jkollna strutturi li tassew ikunu jħarsu u jiddefendu liċ-ċittadini mill-abbużi fil-finanzi u dak kollu li għandu x’jaqsam mal-management tal-assi u propjeta’ tal-Gvern.

F’dan il-pajjiż jeżisti fuq il-karta li għandna l-entitajiet kollha in place. Dawn l-entitajiet suppost qed joffru checks and balances f’dik li hija surveljanza fuq l-operat tal-istat kontra kull ma jista’ jkun abbuż, iżda fl-istess waqt, dawn l-entitajiet qegħdin hemm biex jipproteġu l-ħażin li jista’ jagħmel il-gvern tal-ġurnata kontra l-interessi taċ-ċittadini, meta min jagħmel il-ħażin huma parti mill-operat tal-partit fil-gvern.

Fi kliem ieħor, dak li għandu jkun hemm kostituzzjonalment biex jassigura l-ġustizzja u t-trasperenza, illum qegħdin hemm biex jassigura li min jagħmel l-inġustizzja, il-korruzzjoni u jisraq lill-poplu. Fl-istrutturi tal-gvern sar hemm il-protezzjoni tal-korruzzjoni meta dawn suppost saru biex iħarsu l-interess tal-poplu.

F’dan il-każ, aktar mal-fatti jagħtuni raġun, aktar nara li f’dan il-pajjiż għandna dak kollu meħtieġ biex il-gvern tal-ġurnata jkun dittatur elett demokratikment kull ħames snin fil-qafas tal-kostituzzjoni u d-demokrazija parlamentari. F’dan il-qasam, suppost li din tfisser għażla demokratika għaċ-ċittadin u għall-poplu. Imma illum, din ġiet tfisser biss għażla għal dittatura parlamentari eletta bil-poteri kollha biex tħares l-interessi ta’ min ikun qed jiggverna u l-aktar ta’ min ikun Prim Ministru. Infakkar li fil-kostituzzjoni tagħna, il-Prim Ministru għandu poteri assoluti u supremi għaliex kollox u kulħadd jirrispondi lilu. Huwa l-Prim Ministru li joħloq in-nies fl-awtorita’ u ħadd ma għandu awtorita’ akbar minnu. Dan li qed ngħid jgħodd għal kull min ikun Prim Ministru.

Dan rajnieh iseħħ f’dak li ġara ma’ Dr Joseph Muscat. Muscat kien kostrett jirreżenja minħabba l-korruzzjoni. Xorta waħda nħoloq Prim Ministru ieħor bl-istess poteri u b’interess li jipproteġi l-ħażin li jkun wettaq dak ta’ qablu. Għalhekk sa kemm il-Prim Ministru jżomm lil ta’ madwaru “happy”, hu jkollu l-garanzija li jibqa’ jgawdi l-poteri li jħarsu lilu u lil ta’ madwaru mill-ħażin kollu li jkunu għamlu u jgħaddu minn fuq kulħadd bħal bulldowsers. Huwa għalhekk li jien għidt li din hija dittatura eletta mill-poplu kull ħames snin.

2 thoughts on “F’Malta għandha dittatura eletta mill-poplu kull ħames snin: il-PAC jista’ jżarma għax illum Malta għandha dittatura eletta kull ħames snin

  1. Cisan. Dan ir-ruling kiexef linkompitenzza ul-qasatat ta dawk li imexxuh, ex-shabek, Issa int bhall dawk kollha li ghalqitilhom lexpire date dortu contra shabkhom stess.

  2. Mhux ħa nidħol f’dak kollu li qal s-Sur Vassallo. Ħa ngħid x’naħseb li jkullu jsir meta jkun għaddej każ tal-PAC.
    Jien ta’ l-opinjoni li qabel jibda xi ‘grilling’ il-PAC, qabel ma jibdew xi każ, huma għandhom jaraw li fuq l-istess każ ma jkunx hemm inkjesti jew kawżi oħra għaddejjin. Fuq dan il-każ partikulari ta’ l-Electrogas li għaddej fil-PAC illum hemm lezzjonijiet li għandhom jittieħdu.
    L-ewwel lezzjoni hija kellhomx jibdew biħ meta fuqu għaddeja inkjesta.
    It-tieni lezzjoni tkun li ma jerġgħux jgħamlu lil istess żball li jirraportaw għand il-pulizija xi ħaġa li toħroġ waqt is-smiegħ tax-xhieda u tkun tinħtieġ investigazzjoni kriminali. Ma kellix tidħol il-pulizja qabel jitlesta l-proċess kollu u jinħareġ ir-rapport finali.
    Ma nafx għalfejn m’hemmx regoli ċari u sani sabiex dak li qal is-sur Vassallo ma jkunx qiegħed fil-verita’ jseħħ.
    Biss ma nista’ naqbel qatt li aħna xi dittatura meta kull 5 snin nistgħu nibdlu gvern. Imbagħad ir-rieda tal-maġġoranza hija sovrana u trid tiġi rrispetta mill-minoranza. Dik hija id-demokrazija ħajja u mhux id-dittatura li jekk ma tobdiex jew tipprotesta tiġi mitfuħ il-ħabs jew agħar tiġi eliminat.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *