Where your opinion counts

It-tariffi taċ-ċitazzjonijiet tat-traffiku kollha żdiedu fi żmien xahrejn b’rata allarmanti; mela mhux vera li din hija żieda għal sewqan aħjar

Minn Edwin Vassallo

Lil dawk li qaluli li sew qed jagħmel il-gvern li jgħolli ċ-ċitazzjonijiet infakkarkom li fi Frar ta’ din is-sena kellna l-ewwel żieda fil-prezz taċ-ċitazzjonijiet u issa f’Mejju, xahrejn wara, il-Gvern, bi qbil mal-Oppożizzjoni reġa’ żied it-tariffi. B’hekk fi żmien xahrejn, iċ-ċitazzjonijiet tat-traffiku reġgħu żdiedu għat-tieni darba. U fuq kollox, ma żdiedux dawk biss marbuta ma’ overspeeding jew isuq waqt li qed iċempel it-telefon. It-tariffi kollha żdiedu, inkluż dawk fuq trakkijiet tax-xogħol.

Nemmen li din hija deċiżjoni inġusta meta wieħed jikkonsidra l-problema kbira tal-għoli tal-ħajja. Nemmen li huwa skop nobbli li tkun favur aktar sigurta’ fit-toroq tagħna u għalhekk toħloq deterrent kontra kull abbuż li jista’ jwassal għall-inċident tat-traffiku fatali. Nemmen iżda li l-iskop tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni jistgħu faċilment jilħqu dan l-għan nobbli bi qbil bejnithom għal aktar infurzar fuq iċ-ċittazzjonijiet li diġa’ għolew fi Frar. Nemmen li la darba wara xahrejn, qed jerġgħu jgħollu, iż-żieda fil-prezz taċ-ċitazzjonjiet turi li;

  1. il-Gvern mhux kuntent biż-żieda li diga’ kien għamel fi Frar li għadda u jrid idaħħal aktar revenue.
  2. Jekk baqgħu jsiru l-inċidenti f’dawn l-aħħar xahrejn, mela jfisser li l-iskop li għalih saret din iż-żieda fi Frar ma ntlaħaqx. Dan ifisser li din iż-żieda ma kienetx effettiva.
  3. Jekk ma sarux aktar inċidenti, mela din iż-żieda fil-prezz taċ-ċitazzjonijiet l-anqas ma kienet is-soluzzjoni.
  4. Mela jeħtieġ jinstabu soluzzjonijiet oħra għall-problema tat-traffiku.
  5. La darba l-Gvern wasal biex wara xahrejn jerġa’ jgħolli l-prezz taċ-ċitazzjonijiet, ifisser li s-sigurta’ fit-toroq hija biss skuża biex jgħolli ċ-ċitazzjonijiet ħalli l-gvern iżid id-dħul tiegħu.
  6. Għalhekk dawn iċ-ċitazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala taxxa inġusta.

Jekk verament nifhmu kemm hija kbira l-problema tal-għoli tal-ħajja għall-familji tagħna, la l-gvern u lanqas l-Oppożizzjoni ma kellhom jaqblu fuq din iż-żieda. Il-fatt li l-gvern ressaq din il-liġi għaż-żieda fil-prezz taċ-ċitazzjonijiet, juri biċ-ċar kemm quddiem il-problema li ħoloq hu stess, biż-żieda tal-barranin f’ pajjiżna, issa ma għandux soluzzjonijiet innovattivi biex isolvi l-problemi li nħolqu fit-traffiku.

Għalhekk nistenna li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jaslu fi qbil bejnithom li din iż-żieda fil-prezz taċ-ċitazzjonijiet ma jdaħħluhiex fis-seħħ fl-immedjat u flimkien joħorġu b’soluzzjonijiet oħra fir-rigward tal-għoqda tat-traffiku għaliex din il-problema tat-traffiku qed toħloq problema kbira ta’ nuqqas ta’ mobilita’ u nuqqas ta’ spazju ta’ parking. Din il-problema tat-traffiku qed iżżid in-nervożiżmu li xi drabi jilħaq livell vjolenti. Fuq kollox, din iż-żieda fit-traffiku qed iżżid l-ispiża tal-familji u tal-pensjonanti u tan-negozjanti. Pajjiżna kull ma jmur qiegħed isir “unlikeable”. Malta mhux ser tibqa’ sabiħa għat-turisti.

Is-suġġeriment tiegħi lill-gvern u lill-Oppożizzjoni hu li jiltaqgħu flimkien, jitkellmu, jifformaw kumitat ta’ azzjoni u joħorġu bi proposti ta’ veru favur immaniġġjar aħjar tat-traffiku fit-toroq tagħna. Iżda f’ġieħ in- nies, il-familji, il-pensjonanti, iż-żgħażagħ tagħna, ejjew ma nibqgħux nuru kemm aħna nieqsa mill-ideat ta’ veru u nibqgħu niġu aktar b’żieda fil-prezz taċ-ċitazzjonijiet wara xahrejn biss li dawn ġa ġew miżjuda. Mhux kulħadd fil-poplu tagħna huwa bir bla qiegħ.

One thought on “It-tariffi taċ-ċitazzjonijiet tat-traffiku kollha żdiedu fi żmien xahrejn b’rata allarmanti; mela mhux vera li din hija żieda għal sewqan aħjar

  1. Il vilta hi li ghal erba tal qalba jsir waiver fil ligi fejn malti obligat li jkollu licenzja u turist le. DN hu fil kas tal jetskies u speedboats tal kiri. Persuni li qatt ma saqu jetskie u jmorru bla licenzji. F dan il kas x se jkun il gudizju tal magistrat jekk ikun hemm xi incident ?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *