X’inhuma l-veru riżultati taċ-ċelebrazzjoni tal-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena?

Minn osservatur politiku

X’qed jiġri lill-partiti politiċi l-kbar? Fejn ser jispiċċaw? Wieħed naqqas ħafna u l-ieħor sparixxa. Dan huwa r-riżultat prinċipali miċ-ċelebrazzjonijiet tal-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena. Rajna numru ta’nies imdaqqas il-Belt u rajna grupp żgħir ta’ nies Gwardamanga. Xejn impressjonanti. Anzi tassew inkwetanti.

Il-Partit Laburista ħa battikata kbira biex jiġbed in-nies lejh għall-attivita’ ta’ Jum il-Ħaddiem. Minn kollox għamlu saħansitra stiednu lura wieħed mill-ġurnalisti tagħhom li kienu warbuh biex jippruvaw iħarrku lil hard core tagħhom. Kemm konna imdorrijin naraw il-Belt maħnuqa bin-nies f’ċelebrazzjonijiet f’din il-ġurnata tant għażiża għall-Partit Laburista. Konna imdorrijin naraw sena wara sena turija ta’ fiduċja qawwija fil-mexxejja tal-Partit mis-sostenituri tal-Partit Laburista. Din is-sena assistejna għall-ċelebrazzjonijiet b’ħafna inqas nies minn dak li esperjenzajna fi snin oħra.

Dik hija turija li l-partitarji Laburisti qed jibgħatu messaġġ ċar u b’saħħtu lit-tmexxija tal-Partit tagħhom li jinsabu mdejjqin bl-attitudni tal-Partit fil-Gvern. Din il-preżenza fjakka tan-nies qed twassal l-istess messaġġ li l-Partit Laburista qed jieħu mill-istħarriġ politiku li joħroġ minn żmien għal żmien. Teżisti l-apatija li mhux faċli li teqridha. Jeżisti nuqqas ta’ ħeġġa li ġej mill-attitudni ta’ min qiegħed fit-tmun tal-pajjiż. Qed jintbagħat messaġġ ċar li l-politiċi mhux ser isibu iżjed lill-partitarji tagħhom warajhom jekk ma jibdlux il-mod ta’ kif qed imexxu u jtemmu dan it-tħanżir li qed isir, li huwa konfermat minn membru tal-parlament.

Imma wieħed irid iħares ukoll lejn dak li ġara fi Gwardamanga fejn assistejna għal corner meeting u mhux ċelebrazzjoni tal-massa. Il-Partit Nazzjonalista għandu għax jinkwieta bil-preżenza li kellu fl-1 ta’ Mejju. Għandu għal xix ikun imdejjaq bil-miżerja ta’ nies li attendew għal dik li suppost kellha tkun protesta. U għaliex protesta u mhux ċelebrazzjoni? Mhux suppost li fl-1 ta’ Mejju jiċċelebraw il-ħaddiem? Għaliex il-PN ma jiffokax fuq il-problemi li l-ħaddiema Maltin għandhom quddiem wiċċhom illum? Meta partit isir partit tal-elitisti jitlef il-kuntatt mal-weġġgħat taż-żgħir. Fi Gwardamanga, il-partitarji bagħtu messaġġ li tilfu kull fiduċja fil-partit tagħhom stess. Iż-żgħir u l-batut ma għadux iħoss li l-PN jirrappreżentah.

It-tmexxija ta’ dan il-partit għandha tagħmel eżami tajjeb tal-kuxjenza politika tagħha.

2 thoughts on “X’inhuma l-veru riżultati taċ-ċelebrazzjoni tal-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena?

  1. Xbajt nisma l’istess parir lill PN : ghamel ezami Tal kuxjenza….. qisu hemm xi forma ta spirtu ta xi haga f ‘katavru li tista tahdem

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *