Il-Maġistrata Montebello ma taċċettax li Mark Camilleri jixhed b’mod virtwali: ħa jkollu jiġi għas-seduta li jmiss.

Illum, il-media tatna l-istorja li Rosianne Cutajar ma attendietx. Hija ġabet raguni ta’ saħħa. Sew għamlet il-media li r-rappurtat dan il-fatt. Imma wieħed jistaqsi għala l-media ma qalet xejn fuq Mark Camilleri? Kien dan preżenti fl-awla? Anzi f’messaġġ li tella’ dalgħodu fuq Facebook, qal ċar u tond li hu ser ikompli jorqod waqt li suppost kellu jkun il-qorti waqt is-smiegħ tal-kawża. Dak rispett minn Mark Camilleri lejn l-istituzzjonijiet tal-ġustizzja. Ara fuq dawn l-affarijiet, ir-Repubblichini ma jikkummentaw xejn.

Allaħares jagħmel hekk xi ċittadin komuni għaliex itellgħuh b’disprezz u jagħmlu show bih. Imma dan jista’ jagħmel li jrid għax appoġġjat mir-Repubblichini. Qed ngħid hekk għaliex permezz ta’ dan il-post, Camilleri għamilha ċar li ma kienx sejjer il-qorti u kien ser jibqa’ rieqed. Mela għax Rosianne Cutajar ma tmurx, din issir storja għall-media, imma li Mark Camilleri ma jmurx u jgħid minn qabel li mhux sejjer ma jimpurtax. Dan hu l-ġurnaliżmu hekk imsejjaħ indipendenti li għandha Malta.

Imma ħaġa li l-media ma qalitx li l-Maġistrata Montebello ordnat lil Mark Camilleri biex fis-sessjoni li jmiss tal-kawża, li issa ġiet aġġornata għal Ottubru, jrid ikun preżenti. Ara dan il-punt ma qrajtux la fir-rapport tal-Malta Today u l-anqas f’dak ta’ The Times. The Times qalet biss li l-avukat ta’ Cutajar oġġezzjona li Camilleri jixhed b’mod virtwali. Infatti, waqt din is-seduta, il-Maġistrata Montebello ma aċċettatx li Mark Camilleri jixhed b’dan il-mod. B’hekk ħa jkollu jiġi għas-seduta li jmiss.

Naħseb il-ġurnalisti jridu jibdew jirrappurtaw b’ċertu bilanċ jekk iridu li jittieħdu bis-serjeta’.

One thought on “Il-Maġistrata Montebello ma taċċettax li Mark Camilleri jixhed b’mod virtwali: ħa jkollu jiġi għas-seduta li jmiss.

  1. Il-bilanċ ilu li ntilef! Hemm defiċit qawwi bejn dawk l-erbgħa min-nies li jaħsbu li l-pajjiż huwa tagħhom bl-istituzzjonijiet b’kollox u l-kumplament ta’ l-imsieken ċittadini!! Mark Camilleri ilu li qabiżha l-linja l-ħamra u qatt ma ġara xejn! Dan mhux ċittadin bħal l-oħrajn jew għandu xi ċittadinanza speċjali???

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *