L-elitiżmu politiku ħsara biss għamel lill-partiti politiċi tagħna
Minn Edwin Vassallo
Kull partit politiku għandu jgħid le għall-elitiżmu fil-politika għaliex dan ħsara jagħmel lill-pajjiżna. L-elitiżmu f’pajjiżna mhux qed iħallina ngħixu fil-paċi u l-kwiet kemm irridu. Dan għaliex l-elitisti jaħsbu li huma biss jistgħu jiddeterminaw meta u kif il-poplu jgħix fis-sliem. Għall-ġid tal-poplu tagħna, l-elitiżmu ma jistax jibqa’ jkun parti mill-politika tagħna. Jekk irridu nirbħu lura d-demokrazija vera tagħna, jekk irridu nirbħu lura kull sens tas-sewwa u dinjita’ umana, ma jistax jibqa’ jkollna l-elitiżmu jmexxi lill-politiċi tagħna minn imniħirhom.
Illum l-elitiżmu, l-oligarki, in-negozjanti l-kbar qed jiddominaw lill-PN. Iva l-aħwa, huwa dan l-elitiżmu li biegħed lil dan il-partit minn nies. Illum l-elitiżmu qed jgħolli rasu fil-Lejber u qiegħed ibiegħed lil dan il-partit min-nies.
Meta l-PN kien sar partit f’idejn ftit kbar, waqaf ikun partit taż-żgħir. Issa dan il-proċess qed iseħħ fil-Partit Laburista. Dan il-partit mhux ser jibqa’ l-partit taż-żgħir. Anzi qiegħed isir il-partit tal-kbar. Kien l-elitiżmu li vvalena lill-PN u begħdu mill-interess taż-żgħir. Illum qed jiġri l-istess fil-P.L.
Għalhekk kien żball kbir għal Metsola li tidher parti minn din il-klassi ta’ elitisti. Dak il-kunċert fit-Teatru Manoel kien etikament u strateġikament żbaljat. Jekk pajjiżna jrid ifiq mill-korruzjoni u jersaq lejn is-sewwa, jeħtieġ li jkollu politiċi li jgħarfu joqogħdu l-bogħod mill-elitisti, jiġifieri minn dawk li jemmnu li huma l-kbar. Il-kbar, l-elitisti kull ma jridu hu li jiddominaw u jikkmandaw lill-politiċi.
Dak il-kunċert kien pass biex il-kbar jidhru tajbin, jidhru at home mal-ġejjieni politiku ta’ pajjiżna. Iva kulħadd qiegħed fil-liberta’ li jagħmel li jrid iżda l-politiku jrid ifittex l-ewwel li s-sewwa jirbaħ għall-ġid tan-nies. Mela biex is-sewwa jirbaħ għall-ġid tan-nies, il-politiku jrid ifittex li l-ewwel jagħmel is-sewwa hu.
Nawgura ġid lil dan il-poplu f’ġieħ is-sewwa.