Ir-Repubblichini maqsuma jekk Robert Aquilina għandux ikun il-kandidat tagħhom fl-elezzjonijiet Ewropej: Comodini Cachia titfa’ botta li għandha interess tkun kandidata f’dawn l-elezzjonijiet.
Sorsi qrib l-Għaqda tar-Repubblichini qiegħdin jgħidu li din l-NGO għaddejja minn taqlib fl-istonku, b’numru ta’ membri igorru b’uġiegħ ta’ żaqq b’dak li għaddej bħalissa fil-Partit Nazzjonalista u fl-għaqda tagħhom. Dan qed iwassal għal tensjonijiet bejn il-membri nnifishom. Skont sorsi jidher li għaddej dibattitu jaħraq jekk ir-Repubblichini għandhomx joħorġu kandidat tagħhom għall-MEPs jew le.
Imma dawk fosthom li huma qrib il-Partit Nazzjonalista qed isostnu li jekk dan iseħħ, dan se jwassal biex il-Partit Nazzjonalista jtella’ biss MEP wieħed jew aktarx waħda u tali mossa tkun id-daqqa tal-mewt għal David Casa. Iżda dawk favur, iħossu li r-Repubblichini ma jistgħux jibqgħu jserrħu fuq ir-rieda tajba ta’ Metsola u Casa. Iridu MEP tagħhom.
Ħafna fil-Partit Nazzjonalista tħassbu meta raw li Robert Aquilina ħareġ ktieb fuq Pilatus propju biex jikseb iżjed popolarità. Hemm min qed isostni li dan għamlu biex iħejji t-triq għat-tħabbira tal-kandidatura tiegħu, bħala l-kandidat naturali tal-Repubblichini fl-elezzjonijiet Ewropej. Hemm min qed jgħid li l-Partit Nazzjonalista xejn ma huwa kuntent b’din il-mossa tal-pubblikazzjoni tal-ktieb u kien għalhekk li ħu Robert, Karol Aquilina, ħareġ ktieb fl-istess xahar b’sinjal ta’ konfront lejn ħuh. Jingħad li r-Repubblichini maħruqin għal Karol Aquilina li ħareġ ktieb flimkien ma’ Adrian Delia u kittieba oħra. Kien għalhekk, li Karol Aquilina qabel li jitħalla’ barra Jason Azzopardi.
Sadattant Therese Comodini Cachia bdiet tagħmel diversi movimenti fuq il-media soċjali biex tkabbar il-profil tagħha. Dawn mhux mossi ta’ avukat imma manuvri ta’ politiku. Fost dawn hi tellgħet ritratt tagħha u ftaħret kemm jgħidulha li tixbaħ lil Marylin Streep. Imma Comodini Cachia ser ikollha dilemma politika jekk r-Repubblichini jħabbru li ser jikkontestaw l-elezzjonijiet Ewropej. Ma’ min ser tmur? Magħhom jew mal-PN?
Hemm min qed jgħid li Therese Comodini Cachia tixtieq li terġa’ tikkontesta għall-MEPs f’isem il-Partit Nazzjonalista. Hemm persuni fost Ir-Repubblichini li qed jaħsbu li din tkun mossa favorevoli għal David Casa għax biha jista’ jkun li l-Partit Nazzjonalista jġib t-tielet siġġu u jkunu qalgħu l-barra lil Peter Agius u David Agius. Imma mhux kulħadd konvint li dan ser jiġri. Dawk li vvutaw għal Comodini Cachia mhux bil-fors ser jerġgħu jivvutawlha. Għalhekk, hemm min qed jgħid li hemm is-sogru li Therese Comodini Cachia taqbeż lil David Casa u b’hekk Casa jibqa’ l-art. Issa f’każ li jiġri hekk, dawk qrib ta’ Casa qed jgħidu li postu jkun Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
