Dak li ġara fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi jikkonferma li l-Oppożizzjoni hija magħmula mid-dilettanti.
B’dak li ġara fil-parlament ilbieraħ, meta l-iSpeaker ta ruling li bih waqqaf il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi milli jkomplu jinvestigaw lil Keith Schembri wera li l-membri tal-Partit Nazzjonalista fuq dan il-kumitat huma dilettanti. L-iSpeaker waqqaf lil dan il-kumitat milli jkompli jinvestiga wara li l-membri Nazzjonalisti ta’ dan il-kumitat fetħu kawża fil-qorti minħabba dak li Keith Schembri qal lilhom. Skont dawn il-membri, ix-xhieda ta’ Schembri lill-kumitat mhix qed taqbel ma’ dak li qalu membri oħrajn fl-inkjesta pubblika li kienet saret dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Għalhekk dawn it-tliet membri talbu lill-qorti biex tinvestiga jekk hemmx il-każ li xi ħadd ħa ġurament falz. Infakkar li dan hu l-uniku kumitat immexxi mill-Partit Nazzjonalista u fih għandu l-maġġoranza. Dan il-kumitat hu mmexxi mill-avukat Darren Carabott li hu l-filjozz u l-favorit ta’ Austin Gatt u Claudio Grech għat-tmexxija tal-PN.
Jien dejjem nikteb li l-membri tal-parlament tagħna, anki jekk avukati, ma jafux kif taħdem is-sistema parlamentari. Anzi dawn l-avukati jridu jirriduċu lill-parlament għall-appendiċi tal-qrati meta huwa l-parlament l-ogħla istituzzjoni f’dan il-pajjiż. Imn’Alla hemm Speaker rasu fuq għonqha! L-imħallfin ma jeleġġihom ħadd. Imma l-membri parlamentari jitilgħu fil-parlament għax itellgħahom in-nies.
Imma issa qed tkompli toħroġ l-istrateġija żbaljata ta’ Bernard Grech. Dan ħadem biex ikollu ħafna uċuh ġodda. F’dan ma hemm xejn ħażin. Imma din saret at the expense tal-qodma. Wieħed irid ikollu nies ta’ esperjenza fil-parlament. Fi kliem ieħor trid bilanċ. Issa dawn il-ġodda qed jitħallew waħidhom u qed joħroġ ċar li huma bla esperjenza. L-inesperjenza tat-tfal fil-parlament qed twassal għal dawn id-disastri. Fuq kollox, din hija inesperjenza li qed tkun immanipulata minn dinosawri fil-PN li qed jagħmlu pudina wara l-oħra. Kien minħabba dawn id-dinosawri li l-PN ġarrab it-telfiet kbar fl-istorja tiegħu.
Imma biex jidhru naqra fuq il-camera tat-television, jippużaw quddiem il-qorti, qieshom ġa qegħdin fuq l-għatba tal-gvern u Darren Carabott ġa leħaq il-kap tal-oppożizzjoni, qed jispiċċaw jagħmlu dawn il-pudini. Carabott u l-membri l-oħra, inkluż David Agius, marru jiġru jirrappurtaw lil Keith Schembri l-Kasco lill-qorti minħabba xhieda differenti taħt ġurament. Ili ngħidha minn mindu l-Lejber ipprova juża l-PAC għall-skopijiet politiċi fil-każ tax-xiri taż-żejt. Il-PAC mhux dipartiment tal-investigazzjoni tal-pulizija. Il-PAC hu kumitat politiku biex ikun ta’ skrutinju tal-amministraturi taċ-ċivil u jara li dawn jagħmlu xogħolhom sew. Issa ara x’ġara. Dik il-mossa ta’ Darren Carabott splodiet f’wiċċu għaliex issa hemm ruling li ma jistax jinterrogah aktar fil-PAC sakemm tinqata’ l-kawża. Din hija deċiżjoni li saħħet il-pożizzjoni tal-iSpeaker tal-Kamra. U ħa ngħidha. L-iSpeaker għandu raġun. Persuna ma tistax tkun għaddejja “ġuri” fuq l-istess ħaġa darbtejn minn tribunali differenti.
Din il-pudina ssegwi dik ta’ Jerome Caruana Cilia. Dan huwa ukoll appoġġjat minn Claudio Grech u Austin Gatt, meta għamel pre-budget document mimli żbalji u kkopjat minn fuq l-imsieħba soċjali. Dokument li umilja lill-PN fid-diskussjoni tal-budget u ħarġuh bħala partit tal-inkompetenti. Dan l-istess kif kien ġara fl-elezzjoni meta Ryan Callus, ukoll appoġġjat minn Claudio Grech, spiċċa jmeri lil Toni Bezzina fuq l-wegħda elettorali tagħhom stess għas-sistema tat-transport. Kienet sitwazzjoni umiljanti fejn l-Oppożizzjoni spiċċat oppożizzjoni tagħha stess fuq it-Television.
Dawn huma l-istess dinosawri li ġa għaxxquha meta kienu kkonfoffaw biex iqaċċtu lil Adrian Delia. Jekk dawn iridu li l-PN verament jerbaħ, iridu jieqfu jimmanipulaw l-inseperjenza tat-tfal fil-parlament. Għaliex qed jispiċċaw jagħmlu biss pudini.
F’dan il-kuntest, qed inġib dan il-kumment tajjeb ħafna li għamel Tony Gaffiero taħt l-istorja ta’ The Times dwar il-fatt li Keith Schembri mhux ser ikompli jixhed quddiem il-PAC fuq l-investigazzjoni tal-Electrogas għaliex verament qaxxar is-sitwazzjoni

