L-Ewwel ta’ Mejju u l-Kwistjoni tal-Cola.

Minn osservatur politiku

Ilbieraħ kellna l-attivitajiet tal-Ewwel ta’ Mejju. Iż-żewġ partiti ċċelebrawhom b’attivitajiet tal-massa u ż-żewġ mexxejja tkellmu. Imma dak li laqatni fid-diskorsi tagħhom ħadd ma tkellem fuq il-prekarjat u dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol ta’ ħafna ħaddiema, speċjalment dawk imħallsa biċ-ċiċri.

Ftit tal-jiem ilu kellna fl-ewwel paġna tal-gazzetta The Times artiklu dwar l-għoli tal-ħajja u dwar kemm qed jogħlew il-prezzijiet. L-istess gazzetta qed tgħid li sa issa l-COLA għas-sena d-dieħla trid tkun ta’ €13 fil-ġimgħa. Iż-żieda fil-prezzijiet f’dawn l-aħħar tliet xhur qed twassal biex l-għoli tal-ħajja jisplodi.

Meta jsir il-kalkolu tal-għoli tal-ħajja dan qed iwassal biex tkun rikjesta żieda fil-pagi li hi nkwetanti. Sa dan il-perjodu din iż-żieda trid tkun iktar qawwija minn dik ta’ kważi €10 fil-ġimgħa li ngħatat fl-aħħar budget. Din iż-żieda hija bbażata fuq il-kalkoli li tasal għalihom permezz tal-mekkaniżmu tal-COLA li tingħata kull sena biex tpatti għall-inflazzjoni fil-pajjiż għas-sena ta’ qabel.

Meta tqis li din iż-żieda ma tridx tingħata biss mill-Gvern imma minn kull min iħaddem, tasal biex tikkonkludi li din hija sitwazzjoni nkwetanti ħafna. Kemm minn dawn il-businesses jifilħu joħorġu dawn l-ammonti biex jgħadduhom lill-impjegati. F’dawn l-aħħar għaxar snin din iż-żieda permezz tal-COLA qatt ma qabżet l-€4 fil-ġimgħa. Fl-aħħar budget rajna żieda fenominali ta’ €9.90 fil-ġimgħa u minn dak li qed jiġri fil-pajjiż fl-2023 tidher li ż-żieda li trid tingħata fil-budget li ġej ser tkun iktar kbira.

Joe Farrugia, direttur tal-Malta Employers Association qal li ħafna minn dawk li jħaddmu n-nies ser ikollhom jiġġieldu biex ikampaw ma’ din l-għoli tal-ħajja u ma’ dawn iż-żiedet neċessarji minħabba f’hekk. Aħseb u ara kemm ser tkun aktar diffiċli jekk is-sitwazzjoni din is-sena tibqa’ miexja kif inhi. Bil-fors li dawk li jimpjegaw jibdew jinkwitaw dwar iż-żieda tal-COLA għas-sena d-dieħla.

Jekk ir-rata tal-inflazzjoni tippersisti matul din is-sena ż-żieda għall-2024 hija mistennija tkun ta’ €13 fil-ġimgħa li żgur se taqta’ n-nifs lil ħafna min-nies tal-business. U dan irridu nikkonsidraw iż-żieda mingħajr ma qed jiġi mdaħħal fil-borma l-għoli tal-enerġija. Jekk ikollha tiżdied l-ispiża tal-enerġija, skond is-Sur Farrugia, il-COLA jkollha tiżdied b’€25 fil-ġimgħa, xi ħaġa li żgur tkisser lil kull min jħaddem in-nies.

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali nsista li hemm bżonn tittieħed azzjoni kontra dan il-monstru tal-inflazzjoni. Kompla jgħid li hemm il-biża li l-inflazzjoni ser tibqa’ għolja għal tul ta’ żmien mhux mistenni.

One thought on “L-Ewwel ta’ Mejju u l-Kwistjoni tal-Cola.

  1. Joe Farrugia jmissu jaf li ż-żieda fl-għoli tal-ħajja hija kaġun tal-lagħaqiżmu tad-dittaturi tal-EUSSR lejn l-Amerika u s-sanzjonijet li għamlet u tort tal-għaqda tiegħu li ħadmu biex reġgħu ġabuna kolonja tal-barrani tal-EUSSR

    Dan barra li d-dittaturi tal-EUSSR qed idaħħluna fl-intriċċi u l-ħmieħ tagħhom b’periklu għal pajjiżna, għalina u għal uliedna

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *