Iċ-CEO tal-UHM ma jistax jaċċetta li jkun fil-but tal-gvern jekk verament jemmen fl-indipendenza tal-union tiegħu.

Minn Edwin Vassallo

Kulħadd jista’ jagħmel li jrid u jkun fuq bord ta’ liema kumpanija tal-gvern irid, iżda l-etika ma tippermettix li kulħadd jista’ jagħmel hekk. Jien kont nimmilita’ f’partit li kien jikkritika lil GWU għaliex kienet miżżewġa mal-gvern tal-ġurnata. Illum, dawn it-tip ta’żwiġijiet ma għadhomx moda. Minflok, issa għandna moda liberali ġdida. Membri tal-Unions ipoġġu fuq bordijiet tal-Gvern.

Il-Malti jgħid li “akbar ma int, akbar emmek”,jiġifieri aktar ma jkollok pożizzjoni għolja, aktar trid tkun rett fl-imġieba u twemmin tiegħek. Jekk persuna hija responsabbli minn Union tal-Ħaddiema, ma tistax tgħid li hija indipendenti mill-indħil tal-gvern jekk taċċetta rigali mingħand l-istess gvern. Politiku ma jistax jibqa’ indipendenti meta jkun fil-but tan-negozjanti. Bl-istess argument, iċ-CEO tal-Union Ħaddiema Magħqudin ma jista’ jgħid li hu persuna indipendenti mill-gvern meta qed jaċċetta pożizzjoni ta’ direttur fuq kumpanija tal-gvern. Issa huwa spiċċa jiddependi fuq il-gvern, aktar milli l-gvern jiddependi fuqu.

Pajjiż jekk irid ifiq mill-marda tal-korruzzjoni ma jistax jibqa’ jgħid li kulħadd jista’ jagħmel li jrid.
Il-korruzzjoni f’pajjiżna hija r-riżultat ta’ loġika liberali li fiha kulħadd jemmen li jista’ jagħmel li jrid. Biex pajjiżna jfiq mill-korruzjoni, mhux pubblikazzjoni ta’ kotba jeħtieġ, iżda etika ġdida. Inqas regħba għall-flus u inqas regħba għall-poter akkost ta’ kollox. Le. F’ġieħ is-sewwa, mhux kollox jista’ jsir. Le. Uffiċjal ta’ union ma hux sewwa li jkun fil-but tal-gvern jekk verament jemmen li l-union tiegħu trid tkun indipendenti.

Imma dan hu dak li qed jiġri bir-riżultat tal-loġika tal-liberaliżmu. Dan hu prova oħra ta’ dan li ilni ngħid: li l-liberaliżmu joqtol. Dan hu eżempju ieħor ta’ xejn ma hu xejn. Dan hu l-valenu li qed jeqred lill-PL u lill-PN. Dan issa sar il-valenu li ser joqtol lill-unions. Il-Labour qiegħed jiċkien. Il-PN qiegħed jipprova jibqa’ jeżisti waqt li l-unions għandhom issa l-isfida li jibqgħu relevanti għall-membri tagħhom. Il-liberaliżmu ġab lil dan il-pajjiż għarkubbtejh għaliex il-loġika tal-Liberali hija li kulħadd jista’ jinxtara. Hemm min jinxtara b’ewro u hemm min b’miljun. Imma kulħadd, kif darba qal tant tajjeb Joseph Muscat, għandu prezz. Din il-politika ser iġġib lill-unions għarkubbtejhom.

Issa anki l-ħaddiema qed jindunaw li l-attivitajiet ta’ l-1 ta’ Mejju saru wirjiet fiergħa.

Nittama biss li ma jsirux atti ta’ sfruttament tal-poplu tagħna. Jien nibqa’ nemmen li le.

One thought on “Iċ-CEO tal-UHM ma jistax jaċċetta li jkun fil-but tal-gvern jekk verament jemmen fl-indipendenza tal-union tiegħu.

  1. Sur Vassallo, il-korruzzjoni m’għandix fruntieri, pajjiż, żmien jew ideoloġija partikolari.Il-korruzzjoni ilha teżisti u tibqa’ teżisti sakemm jibqa’ jeżisti l-bniedem! Hi sitwazzjoni li fejn il-partijiet involuti ser jigwadanjaw u allura ħadd m’għandu nteress li jikxef. Normalment tkun il-parti nġurjata jew żvantaġġjata li tipprova tiġbed l-attenzjoni li setgħa kien kemm xi forma ta’ korruzzjoni. It-tixħim hija l-aktar forma komuni minbarra forom oħra ta’ korruzzjoni. Ifisser li ma tagħmel xejn? Le! Dejjem għandu jsir dak kollu possibli sabiex tagħlaq il-possibilitajiet ta’ korruzzjoni u dawk involuti jħallsu ta’ għemilhom.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *