Dun Joe Borg għandu jfakkar lil Bernard Grech li bit-tgħajjir ma jintrebħux voti
Minn osservatur politiku
B’dispjaċir ikolli ngħid li Dr Bernard Grech kompla bl-istess tattika, dik li jindirizza n-nies ta’ quddiemu u jinfexx jgħajjar lill-Prim Ministru. Dan is-sit kien żvela li Dun Joe Borg qiegħed jikteb id-diskorsi ta’ Bernard Grech. Ma kienx hemm ċaħda ta’ din l-aħbar. Naħseb ikun għaqli jekk dan il-qassis jfiehem lil Bernard Grech li ma hemmx għalfejn tintilef f’xi dagħdiha u tarma tgħajjar biex terbaħ argument. Dan mhux atteġġjament li ser jiġbed il-voti u wisq inqas in-nies. Kemm-il darba ġbidt l-attenzjoni għal dan il-fatt fuq dan is-sit. Kemm-il darba tkellimt u anki tkellmu diversi nies fuq il-media soċjali. Kemm-il darba ġibdu l-attenzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni li mhux bit-tgħajjir li wieħed jippreżenta l-viżjoni li għandu għal Malta u Għawdex.
Waqt li kienet mossa tajba li l-PN jerġa’ jibda jorganizza l-attivita’ ta’ l-Ewwel ta’ Mejju u ta’ dan għandu jingħata l-prosit, kliem bħal beżżiegħ u dgħajjef huma paroli fil-vojt. Dawn ma għandhomx ikunu fir-repertorju politiku tal-kap tal-Oppożizzjoni. Ma hemmx bżonn dan il-kliem biex il-messaġġ ta’ kritika lejn dak li qed iwettaq dan il-Gvern jasal. Meta wieħed jinżel għal-livell personali, jkun qed jibgħat messaġġ li donnu ma għandux iżjed kliem u argumenti sodi biżżejjed biex janalizza l-ħidma tal-Gvern. Mela hu għal ġid tal-istess oppożizzjoni, li din il-mantra, li tant qed iddejjaq lin-nies, trid tieqaf. Fil-fatt wieħed jinnota li qatt ma jkun hemm ċapċip meta jlissen dan il-kliem dispreġjattiv.
Issa lbieraħ żdiedet tgħajjira oħra. Issa qed jingħad li Robert Abela għamel kompromess. Qed jgħid li Robert Abela qed jagħmel minn kollox biex jaġevola lil Joseph Muscat. Jekk hux veru jew le donnu, dan jista’ jkun diskors li jogħġob lil ta’ Repubblika imma mhux lill-poplu Malti. Nemmen li quddiem is-sitwazzjoni fejn ħafna ħaddiema qed jispiċċaw jaħdmu fil-prekarjat, l-anqas għandu għalfejn jaqa’ f’dawn il-livelli biex jiġbed l-attenzjoni li hemm xi atteġġjament ħażin mill-Prim Ministru.
Kulħadd jaf, li l-politika hija kompromessi. Mela mhux Robert Abela biss irid jagħmel kompromessi imma kull min jidħol fil-politika. Anki Bernard Grech irid jibda jagħmel il-kompromessi jekk irid jerbaħ l-elezzjoni. Fuq kollox, l-istess Dr Grech kellu jagħmel il-kompromessi biex laħaq kap tal-Partit Nazzjonalista. Dak iż-żmien għamel kompromessi ma’ diversi individwi fil-kamp Nazzjonalista, speċjalment mal-grupp tal-blue heroes u r-Repubblichini. Allura, meta jagħmel diskorsi bħal dawn ma jkun qed jasal imkien.
Jeżistu ħafna modi kif tikkritika politiċi avversarji. Il-kritika tista’ twassalha mingħajr ma taqa’ fil-personali imma billi tibqa’ ffukat fuq issues li qed jolqtu ħażin lin-nies. Jekk ikollok moħħ analitiku tkun tista’ tanalizza s-sitwazzjonijiet b’mod aktar bil-għaqal. Tkun tista’ twassal messaġġ pożittiv u fl-istess waqt kritiku lejn l-avversarju politiku tiegħek. Hemm ħafna fuq xix tikkritika lill-Gvern tal-ġurnata. Saru ħafna żbalji u jibqgħu jsiru. Għalhekk jekk il-messaġġ ikun ikkonċentrat fuq kritika kostruttiva, jkun messaġġ li jagħmel il-ġid għall-pajjiż. U meta partit jibda’ jidher li jrid jagħmel il-ġid lill-pajjiż, hemmhekk dak il-partit isir eleġġibbli għall-poplu Malti.

Prosit ħafna lil min kiteb dan l-artikolu li għandu jiftaħ beraħ għajnejn Bernard Grech. Tal-bieraħ kien wieħed mill-agħar diskorsi li għamel Bernard Grech sal-lum. Wera biċ-ċar li d-diskors ma kienx tiegħu u li lanqas huwa stess ma kien qiegħed jag eżatt xhinu jgħid. Dak kien jonqoshom dawk li għamlu kuraġġ u marru juruħ appoġġ u wiċċhom deher sew li ma kellhomx biex jifirħu.
Smajt iż-żewġ diskorsi u t-tnejn ħallew togħma morra, neqsin minn kull ispirazzjoni ta’ ġejjien aħjar; eż kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema, ambjent aħjar, anqas sfruttar tal-ħaddiema inkluż dawk barranin, work-life balance, tnaqqis fil-gender gap, problemi fl–infrastruttura, eċċ. Id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni kien wieħed diviżiv bla ebda ispirazzjoni! Bil-Malti ngħidu, diskors tal-qamel!
Dr Bernard Grech. simply muffles the brain