Bernard Grech għandu jispjega x’inhuma s-soluzzjonijiet li qed joffri lill-poplu Malti.

Minn Osservatur Politiku

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, reġa’ tkellem il-Ħadd li għadda u fakkarna fuq dak li għaddejna minnhom għal numru ta’ ġimgħat pajjiżna. Mingħajr ebda dubju kulħadd jistenna li dawn is-suġġetti jibqgħu jissemmgħu, imma ħafna qed jistennew messaġġi oħrajn mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Ħafna qed jistennew li Bernard Grech jibda jispjega kif kien jaġixxi kieku hu kien il-Prim Ministru.

Huwa faċli li tikkritika kull ħaġa li jagħmel il-Gvern imma jidher pjuttost diffiċli li toffri soluzzjonijiet għal dak li hu għaddej fil-pajjiż. Dan huwa wieħed mill-fatturi għala l-Oppożizzjoni mhux qed tingrana mal-elettorat. Il-poplu jistenna proposti minn partit li suppost qiegħed hemm biex jippreżenta lilu nnifsu bħala partit alternattiv għal dak il-partit fil-Gvern. Mela hu mistenni minnu li jagħti s-soluzzjonijiet. Bernard Grech donnu għandu daqsxejn limitazzjoni meta jiġi biex jispjega dak li lest li jwettaq hu jekk ikun qed imexxi l-Gvern. Fi kliem ieħor, il-messaġġi li qed jibgħat huma dawk li l-esperti mhux qegħdin miegħu.

Imma forsi l-aktar sentenza sinifikattiva li qal Bernard Grech waqt li kien qed jindirizza lin-nies ġewwa Birkirkara kienet din: “Dan hu l-Partit Nazzjonalista, il-Partit tas-soluzzjonijiet, il-Partit tar-rebħiet.” Li meta jitkellem Bernard Grech ikun ifisser li qed jitkellem il-Partit Nazzjonalista hija xi ħaġa li naqblu magħha. Bħalissa huwa Bernard Grech li jġorr il-bandiera l-kbira fil-Partit Nazzjonalista u dak li jgħid hu għandu jirrifletti kif qed jaħseb il-partit in ġenerali. Imma jista’ xi ħadd ikun ċert meta wieħed jistaqsi: taħsbu li veru li meta jitkellem Bernard Grech ikun qed jirrifletti l-ħsieb tal-Partit kollu?

Bernard Grech qed jinsisti li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit tas-soluzzjonijiet. Hawn fejn irid joffri s-soluzzjoni u viżjoni tiegħu. Bernard Grech irid verament jara li dan ikun il-partit tas-soluzzjonijiet għaliex dan mhux kif qed jarawh in-nies. In-nies qed jistennew spjegazzjoni dwar liema soluzzjonijiet qed jirreferi għalihom. Infakkar li fl-imgħoddi mhux imbiegħed, il-Partit Nazzjonalista ħa flaza stikka fuq il-cannabis. Hemm imbagħad il-qasam tal-kostruzzjoni. X’soluzzjonijiet qed joffri l-Partit Nazzjonalista meta jitkellem fuq soluzzjoni għal dan is-settur? Il-PN irid jieqaf jagħti l-impressjoni li mhux qed iżomm mal-fatti li qed joħorġu kull ftit taż-żmien. Fuq kollox irid juri li qiegħed jitkellem f’isem il-membri tal-grupp parlamentari kollu.

Imma l-iktar waħda ħoxna hija meta qal li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit tar-rebħiet. Illum il-PN sar sinonimu mat-telfiet elettorali. Il-PN ilu ma jerbaħ elezzjoni mill-2009 ‘l hawn. B’hekk diskors bħal dan, li l-PN huwa l-partit tar-rebħiet ħa jistona mal-elettorat għax lanqas f’sempliċi stħarriġ mhu qed jinġabar.

Jekk hemm suġġett li jista’ jitkellem fuqu Bernard Grech żgur li mhux dan tar-rebħiet. Aktar milli jitkellem dwar soluzzjoni, kellu jitkellmu dwar rikonċiljazzjonijiet interni. In-nies ma humiex konvinti dwar dak li qed iseħħ internament fil-PN. Hemm biss tinsab l-unika elezzjoni għall-Partit Nazzjonalista. Ma jistax ikun li erba’ liberali u erba’ familji jibqgħu jiddominaw f’dan il-partit. Bernard Grech irid joqgħod attent kif jitfa’ d-diskors. Kliemu għandu dejjem ikun li jgħaqqad warajh lis-sostenituri kollha u mhux li jbiegħed iżjed nies mill-Partit Nazzjonalista.

Dan jista’ jseħħ billi jkun hemm aktar jirriflessjoni u analizzi fid-diskorsi li jsiru.

One thought on “Bernard Grech għandu jispjega x’inhuma s-soluzzjonijiet li qed joffri lill-poplu Malti.

  1. Smajt iż-żewġ diskorsi tal-mexxejja ewlenin u l-konkluzjoni kienet; x’faqar ta’ diskorsi! Hemm ħemel ta’ ħaddiema li għaddejjin minn martirju fuq il-post tax-xogħol tagħhom u ħadd ma jsemmi xejn! Il-kelma prekarjat intilfet, meta nafu li hemm mijiet ta’ ħaddiema li qed jitħaddmu biċ-ċiċri minn kuntratturi Ħaddiema li jaħdmu f’kundizzjonijiet ħżiena u ħinijiet twal! Ta’ min jinkwieta li lanqas it-trejdunjons m’huma jitkellmu. U fejn hu s-sehem tal-unjins f’dan il-jum??? Mietu mewta naturali???

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *