Aktar ma għandna rata ta’ fertilita’ baxxa, aktar qed ngħidu li għandna bżonn l-abort

Minn Edwin Vassallo

Għall-Ġnus Magħquda, issa l-abort qed jissejjaħ dritt għall-mara. Il-Ġnus Maqgħuda iddeċidiet li l-mara biss għandha d-dritt li tiddeċiedi fuq ġisimha. Il-mara biss tista’ tiddeċiedi meta u kif jkollha l-esperjenzi sesswali u x’kontraċettivi tuża. Fuq kollox, il-mara biss tista’ tiddeċiedi kif, kemm u meta tagħmel abort. L-abort qed isir l-priorita’ tal-politika (policy) ta’ din l-entita’ dinjija. Dan għaliex skont dawn l-għorrief tal- liġi tal-Ġnus Maqgħuda, dawn qegħdin jikkalkulaw li hawn nies biżżejjed fid-dinja. Dawn qegħdin jikkalkulaw li hawn pajjiżi li qed jikbru iżda mbagħad ħadd ma qiegħed jitkellem fuq l-Ewropa li qed tixjieħ. U x’ngħidu għal pajjiżna li ninsabu fi kriżi fejn issa fl-Ewropa għandna l-inqas rata ta’ fertilita’.

Mela minflok nagħmlu miżuri biex inħeġġu lill-Ewropej u lill-Maltin ikollhom it-tfal, qegħdin nipproponu aktar miżuri – bħall-abort – li fin-natura tiegħu huwa anki miżura ta’ kontroll tat-twelid.

Mela din mhux veru policy għad-drittijiet tan-nisa. Dan hu biss kolonjaliżmu ġdid mill-Ġnus Maqgħuda. Quddiem il-kriżi demografika li għandha l-Ewropa, li ġiet ikkreata minn dan il-liberaliżmu, il-Ġnus Magħquda qed tipprova ssib soluzzjoni biex tgħid lil dawk il-familji, fejn ir-rata tat-twelid għadha għolja – jew hija għolja aktar minn dik Ewropea biex jibdew jagħmlu l-abort ħalli b’hekk ma jkunux ta’ theddida għall-Ewropa. Imma fil-verita’, miżuri bħall-abort l-aktar li ser ikollhom effett negattiv huwa fuq il-populazzjonijiet tal-punent.

Din hija Ewropa li qed tixjieħ. Pajjiżna wkoll qiegħed jixjieħ. Donnu ħadd ma jimpurtah minn dawn il-problemi tagħna ħlief li naraw kif ngħoġbu lil dawn l-għorrief tal-liġi fi ħdan il-Ġnus Magħquda.

Qed taraw kif qed ngħixu fi żmien li fih il-valur tal-bniedem sar ma jiswa’ xejn! Issa dak li jiswa’ l-aktar huwa kemm jista’ jkollna esperjenzji sesswali. Dan hu ppreżentat bħala progress. Dak li jfisser li l-mara jkollha dritt fuq ġisimha. Għaliex hija l-mara li b’konsegwenza tal-esperjenza sesswali jiġu l-ulied fid-dinja. Issa dan huwa l-għerf tad-dinja qed jgħidu lil kulħadd li jista’ jagħmel li jrid b’ġismu u għall-konsegwenzi jieħdu ħsieb il-gvernijiet li jiġu obbligati jaraw li l-mara tkun provduta bl-abort.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *