Ara dwar il-bycatch tat-tonn, Anton Refalo ma jagħmel l-ebda investigazzjoni u ma jkeċċi lil ħadd.

F’dawn il-jiem qrajna dwar it-tkeċċija ta’ Patricia Azzopardi li kienet taħdem ta’ direttur fl-qasam ta’ l-animal welfare. Din weħlet minħabba n-nuqqasijiet tal-istess Ministru Refalo u l-pika li hemm bejnu u Alicia Bugeja Said. Infakkar li din tneħħiet minħabba dak il-każ fl-Imsida fejn pit bulls attakkaw lil sidhom. Dan kellu stejjer ta’ moħqrija fuq l-annimali.

Mela din id-direttur mara, li dejjem għamlet xogħolha, tneħħiet imma min ħalla l-iskandlu tal-bycatch tat-tonn iseħħ għadu fil-kariga li kellu. Hawn qed nirreferi għal dak li ġara fl-2022. Saħansitra kien hemm mistoqsijiet fil-parlament dwar din l-istorja. Imma bil-mod kif saru t-tweġibiet, huwa ċar li l-ministru risponsabbli mis-sajd, jiġifieri Anton Refalo żvija lill-parlament. Nemmen li l-ministru wkoll ġie żvijjat imma min għamel dan kollu tħalla f’postu. Ara fuq l-istejjer tal-bycatch tat-tonn, għaliex hemm ħafna x’jinten, ħadd ma jieħu azzjoni.

Imma xi tfisser din il-kelma bycatch? Mela biex il-qarrej jifhem, il-gvern Malti għandu kwota ta’ kemm jista’ jinqabad tonn. Din il-kwota ġiet imposta mill-Unjoni Ewropea. Imma ġiet ikkalkuta fuq qbid tat-tonn mis-sajjieda. Issa din hija kwota tal-gvern. Hija kwota tan-Nazzjon Malti. Hemm mekkanizmu kif tinħadem din il-kwota. Issa din il-kwota tiġi assenjata lis-sajjieda, imma hemm sajjieda li qed jispiċċaw jinnegozzjaw din il-kwota ma’ tal-fishfarms. Il-kwota tas-sajjieda ta’ din is-sena hija 420 tunnella. Mhux kull sena tkun l-istess. Hemm min qed ibiegħ il-parti tal-kwota tiegħu lill-fish farms.

Issa bit-terminu bycatch wieħed jifhem dak il-perċentagg mogħti bħala riżerva biex meta mal-qabda assenjata, jinqabad xi ħut li ma jkunx fit-target tas-sajda, dan ikun jista’ jinżamm. Pereżempju għall-qbid tan-tonn, jinqabad il-pixxispad. Il-pixxispad ma jkunx fit-target imma permezz ta’ dan il-mekkaniżmu tal-bycatch jista’ jiddaħħal f’dak li jissejjaħ accidental catch. Issa l-bycatch hija ta’ seba’ tunellati. Fi kliem ieħor hemm seba’ tunellati allokati għall-bycatch. Is-sena l-oħra, din il-bycatch ittieħdet kollha f’inqas minn tmintax-il siegħa. F’din il-bycatch iddaħħlu tonn b’mod illegali. Imbagħad meta ġew għas-sajjieda ġenwieni dawn ma setgħux idaħħlu l-bycatch tagħhom u kellhom jarmu il-ħut il-baħar.

F’kull bastiment hemm sistemi magħrufa bħala VMS jew GPRS – biex ikun recorded fejn qiegħdin u mnejn qed jinqabad dan it-tonn. Jista’ d-Direttur Bjorn Callus jikkonferma jekk dawn l-istrumenti kienux jaħdmu dak in-nhar li l-bycatch ttieħdet kollha f’inqas minn tmintax-il siegħa? U jista’ jgħid fejn kienu l-bastimenti li rrappurtaw din il-qabda tal-bycatch li ġiet eżawrita f’inqas minn tmintax-il siegħa?

F’dan kollu hemm flus kbar involuti. Il-kwota tal-bycatch tat-tonn tfisser flus kbar. Fid-dinja tat-tonn hemm erbgħa tal-qalba li ħatfu kollox huma b’sajd illegali u dawn għandhom l-arja tal-gvern. Fejn huma l-pulizija tal-enforcement? Dawn għal xi kaċċatur biss joħorġu! Kontra xi kaċċatur, l-ambjentalisti jagħmlu pressjoni. Ara kontra dawn l-affarijiet u llegalitajiet, tal-ambjent ma jagħmlu xejn. Għalhekk dawn l-għaqdiet ma għandhomx jittieħdu bis-serjeta’.

Wieħed għandu jiftakar li s-Segretarju Parlamentiari Alica Bugeja Said ma tantx tista’ tiftaħ ħalqha għaliex ammettiet hija stess li tal-fish farms sponsorjawha għall-elezzjoni li għaddiet. Il-Malti jgħid li min jinqabad jieħu ċenteżmu, jieħu miljun. Dan hu każ ieħor ta’ CONFLICT OF INTEREST. Imma agħar minn hekk, dan huwa gvern li jagħmel l-arja ma’ min hu onest u maż-żgħir u b’ħalqu magħluq ma’ min għandu ħafna bżar x’iroxx.

Issa Patricia Azzopardi hija tal-Partit Laburista imma għax onesta u taħdem, anki jekk ma tawhiex nies, tneħħiet. Ara jekk tkun disonest, u tkun direttur imma taf taħbi l-ħmieġ u l-ħaxi li għaddej fid-dinja tal-bycatch, hemm tista’ ma tkunx tal-partit, għaliex f’dan il-każ ma jimpurtax. Il-gvern u l-Ministru Anton Refalo iħalluk fil-pożizzjoni li jkollok u ma jiddejqux jiżvijjaw lill-parlament bit-tweġibiet tagħhom.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *