Robert Abela jrid jassumi r-risponsabbilita’ tiegħu f’dak li ġara fl-għoti tal-kuntratt tal-isptarijiet

Minn osservatur politiku

Kemm ftaħru r-rappreżentanti tal-Gvern Laburista għaxar snin ilu dwar il-konċezzjoni li taw lill-barranin fuq l-isptarijiet. Kemm għamlu konferenzi stampa biex juru l-kapolavur li kienu għamlu. Kemm qalulna li ser ikollna servizz tas-saħħa aqwa minn dak li għandna. Kemm qalu li ser inkunu l-aqwa fid-dinja. Kemm ftaħru li ser inġibu nies bħala turisti mediċi biex jieħdu l-kura f’pajjiżna. Insomma ftaħru fuq li ftaħru b’dik il-konċessjoni li kienu taw fi żmien Joseph Muscat.

Illum kulħadd fetaħ għajnejh u rrealizza li dak kien kollu daħq fil-wiċċ u li kienu għaddewna passata ta’ prima kwalita. Kellhom jgħaddu għaxar snin biex sirna nafu l-viljakkerija li kien sar ftit inqas minn għaxar snin ilu. Wieħed jistaqsi, li kieku Adrian Delia ma fetaħx il-kawża kollox kien jibqa’ għaddej kif kien? Li kieku ma nstabx li din kienet sitwazzjoni ta’ frawdolenza l-Gvern kien ser jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn?

Il-Gvern ta’ Robert Abela ma jistax jgħid li ma kienx kompliċi f’dak kollu li kien għaddej. Żgur li ma jistax jaħsel idejh u jwaħħal fil-Gvern ta’ Joseph Muscat. Ma jistax jipprova jinħeba li dan kien sar minn Konrad Mizzi waħdu għax hu l-iżjed li għaffeġ f’dik il-konċessjoni. Imma l-Gvern ta’ Robert Abela, għalkemm ħafna kienu fetħulu għajnejh li l-affarijiet mhux sejrin sewwa, xorta baqa’ jivvota miljuni kbar biex iħallas lill-barranin li ma kienu qed jagħtuna xejn lura f’investiment.

Kif nistgħu ninsew li mċappsin ma’ din il-konċessjoni kien hemm il-possibilita’ ta’ ħlas ta’ commissions għal eluf kbar ta’ euro. Kif tista’ ma tiftakarx li din il-konċessjoni setgħet kienet mod kif jiġu mogħtija eluf ta’ euro bħala ringrazzjament għal dak li kien sar. Kif nistgħu ninsew li anke il-barranin għamlu taħwid fil-mod kif mexxew u ħallsu wħud fil-grupp tagħhom stess. Kif qatt nistgħu ninsew li Chris Fearne kien qalilna li issa għandna ‘the real deal’ dan kollu għax kienu ġew Steward li suppost kellhom reputazzjoni tajba fl-Amerika.

Meta l-Gvern jiftaħar ħafna b’xi kisba li jkun għamel irid isir studju profond biex wieħed jistħarreġ jekk hemmx xi ħadma minn xi ħadd. Wieħed irid jistudja x’hemm moħbi wara kull proġett li jkun twettaq. Wieħed ikollu jaħseb hekk għaliex issa tgħallimna u sirna nafu bil-ħadma kbira li saret fil-konċessjoni tal-isptarijiet. Issa li wieħed ikun daq l-imrar ta’ proġett kbir ma jistax jafda iżjed u ser ikollu jħares b’lenti kbira f’kull investiment li l-Gvern ikun daħal fih.

Il-kelb il-mismut kull ilma jaħsbu misħun. U hekk qed jiġrilu l-poplu Malti kull darba li l-Gvern jiftaħar li wettaq xi proġett ġdid. Din mhix sitwazzjoni feliċi għall-Gvern tal-ġurnata. La tasal biex tidħaq bil-poplu darba, l-istess poplu jaħsibha sewwa qabel jerġa’ jiddeċiedi li jafdak. Għalhekk il-Gvern illum mhux qed ikun emmnut li ser jagħmel l-affarijiet sewwa. U dan nistgħu ngħiduh għal diversi sitwazzjonijiet li għaddejjin fil-pajjiż bħalissa.

One thought on “Robert Abela jrid jassumi r-risponsabbilita’ tiegħu f’dak li ġara fl-għoti tal-kuntratt tal-isptarijiet

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *