Tensjoni bejn Metsola u Grech minħabba l-appoġġ ta’ Metsola lil Robert Abela u l-kwistjoni tal-abort.

Il-One tatna storja fejn fiha ntqal li Bernard Grech ma kienx preżenti għall-famuż kunċert li l-istess Metsola għamlet il-Manoel Theatre. Tal-One staqsew lil Bernard Grech dwar dan il-kunċert u jekk kienx preżenti. Normalment, Grech ikun evażiv quddiem mistoqsijiet bħal dawn. Din id-darba ma kienx. Qal ċar u tond li ma kienx preżenti.

Dan is-sit jinsab infurmat li għaddejjin trikki trakki bejn Metsola u Grech. Naħseb li din ir-risposta tikkonferma dan. Imma dak li mhux qed jingħad hu li Roberta Metsola ma hix tattakka lil Robert Abela. Waqt li hu fatt magħruf fil-Lejber li Robert Abela qed jibża’ minn Metsola minħabba l-alleanzi li għandha ma’ min hu tat-tajjeb, fl-istess waqt jidher li ntlaħaq xi tip ta’ ftehim mhux miktub bejn Roberta Metsola u Robert Abela. Hu fatt li Roberta Metsola ma tattakkax lil Robert Abela. Tgħid qed tagħmel dan biex Robert Abela jagħtiha l-appoġġ fil-waqt opportun wara l-elezzjonijiet Ewropej?

Infatti f’dawn il-jiem, Robert Abela kien taħt attakk medjatiku b’akkużi serji li hu mxierek mal-kriminali u anki saru akkużi serji ta’ ħasil ta’ flus. Roberta Metsola ma qalet xejn dwar dan. Normalment, Metsola tkun fuq quddiem f’attakki ta’ korruzzjoni kontra l-gvern tal-Lejber. Infakkar kemm kienet fuq quddiem kontra Joseph Muscat. Il-ġurnalisti li jiftaħru li jinvestigaw kollox, l-anqas staqsuha mistoqsija waħda dwar dan.

Fuq kollox, fid-Dar Ċentrali issa qed jingħad li Bernard Grech u Roberta Metsola mhux qed jaraw għajn m’għajn fuq il-kwistjoni tal-abort. Dak li hu żgur, Bernard Grech induna li meta ħareġ favur il-ħaxixa ħa falza stikka. Min-naħa l-oħra, ma hux sigriet li Metsola hija favur il-liġi tal-abort u meta nqalgħet il-kwistjoni tal-emendi li Robert Abela ried jagħmel, Metsola kienet żammet id-distanza tagħha minn Malta. Anki kienet żammet id-distanzi mill-Partit Nazzjonalista minħabba l-pożizzjoni li ħa kontra l-abort. Roberta Metsola ma tatx support lil Bernard Grech li f’dak il-mument, wara pressjoni kbira pubblika, niżel kontra l-abort.

Imma fil-kuruturi tad-Dar Ċentrali l-għajta hija li Roberta Metsola xtaqet li l-PN jivvota mal-gvern fuq l-emendi li Robert Abela ried jgħaddi wara l-famuż każ Prudente. Nispera u napprezza li jkun hemm xi ħadd li jgħid li din hija fake news!

Dak li hu ċert, li din il-liġi li biha Abela kien ser idaħħal l-abort mit-tieqa flok mill-bieb qatt ma marret għat-tielet qari u għadha ma ġietx approvata. Forsi Metsola għadha tittama li din tista’ xi darba ssir liġi. Ara fuq dan il-punt, ħadd mill-media indipendenti, inkluż il-ġurnalisti tal-Knisja Kattolika, ma huma jagħmlu pressjoni fuq Metsola biex jistaqsuha kif taħsibha.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *