Il-Liberaliżmu qed joħnoq lill-Partit Laburista
Minn Edwin Vassallo
Issa Robert Abela jrid jibda’ jitkellem maż-żgħażagħ u dan kollu għaliex survey wara survey baqgħu juru li persuni minn 16-il sena sa 35 sena ma jridux imorru jivvutaw. Basta kellna l-esperti li qalu li jekk inniżżlu l-eta’ tal-vot, iż-żgħażagħ ħerġin jivvutaw u ser juru interess fil-politika. Qed jiġri bil-maqlub. Dan ifisser li ż-żgħażagħ tilfu kull fiduċja fil-politika tal-pajjiż u daqstant ieħor tilfu kull fiduċja fil-ġejjieni tagħhom f’pajjiżhom. Mela din hija prova oħra li Robert Abela qed jiffaċċja l-akbar kriżi fl-istorja riċenti tal-Partit Laburista. Dak li qiegħed jiffaċċja Robert Abela u l-establishment politiku liberali f’pajjiżna huwa bla preċedent.

Issa Robert Abela qiegħed jara ż-żgħażagħ jaqbżulu mis-sunnara. Dan l-establishment politiku tilifhom lil dawn iż-żgħażagħ. Il-liberaliżmu tal-Labour qatel lill-istess Labour. Dan il-liberaliżmu ġa ġie ppruvat fil-Partit Nazzjonalista u ħalla rovina sħiħa. Kellna media konservattiva li saret liberali u spiċċat illum daħqa. Kellna Knisja li saret liberali u spiċċat żvujtjata. Il-liberaliżmu daħħal lill-Partit Nazzjonalista fil-ħajt. Issa qiegħed idaħħal lill-labour fil-ħajt. Hu x’inhu r-riżultat? Il-Prim Ministru ser jagħmel Advisory Forum! J’alla l-ġid.
Ħa ngħidha. Kull inizjattiva ta’ djalogu hija tajba iżda l-għan ta’ dan id-djalogu għal Robert Abela u għala qed iseħħ huwa għaliex il-Labour qed jara li kif jgħid il-Malti “tarlu l-għasfur” u mhux għax verament jemmen fid-djalogu.
Fis-survey tal-Malta Today ta’ Frar 2023, 38.7% tal-persuni mis-16 sa 35-il sena wieġbu “will not vote”. F’Marzu ta’ 2023 kienu 32.4 %. Mela jidhru fuq il-karta li naqsu. Imma skont dan l-istess survey, 21.6% taż-żgħażagħ qalu li jivvuttaw Labour u 22.6% qalu li jivvuttaw PN, filwaqt li 16.5% huma indeċiżi. Dan juru li l-establishment politiku f’pajjiżna għandu problema. Dan jispjega għala Robert Abela qed isejjaħ dan l-advisory forum għax jaf li l-Labour qed jitlef liż-żgħażagħ.
Il-kbir għadu ġej!

Iż-żgħażagħ u ħafna nies mhux se joħorġu jivvutaw għaliex tilfu l-fiduċja tagħhom fil-politiċi lokali li mhumiex kredibbli. Illum jgħidu ħaġa u wara jagħmlu fattihom!!! Politiċi li fnew pajjiż bl-iskandli, nepotiżmu, favoritiżmu u ċrieki ta’ ħbieb tal-ħbieb. Politiċi li moħħhom biss kif huma u ta’ madwarhom ser jitħażżru! Politiċi li wegħdu ħafna u wettqu ftit. Għalhekk mhux ser jivvutaw u mhux ħabba l-liberaliżmu. Illum Malta tagħmel parti mill-EU u l-liberaliżmu huwa wieħed mill-ħsibijiet fundamentali ta’ dan il-blokk.