Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ ma jridx li l-gvern jibqa’ jissussidja l-enerġija: fil-każ għandu jagħti eżempju u jibda’ hu jixtri l-fuel għall-kumpanija tiegħu bla sussidju.
The Malta Independent tatna l-aħbar li l-President il-ġdid tal-Kamra tal-Kummerċ, Chris Vassallo Cesareo, ma jridx li l-Gvern jibqa’ jissussidja kontijiet tal-enerġija. Skont Vassallo Cesareo, il-gvern ma jistax jibqa’ jagħti s-sussidju fuq l-enerġija. Issa jekk hemm ħaġa waħda sew li għamel dan il-Gvern kien dan is-sussidju.

Ma nafx x’interess għandu Vassallo Cesareo biex jgħid xi ħaġa bħal din. Nispera li mhux qed imexxi xi aġenda ta’ ħaddieħor. B’din il-gwerra kull pajjiż qed jara kif jipproteġi l-interessi tiegħu. Il-Polonja qed tipproteġi l-interessi tal-bdiewa tagħha kontra dawk tal-Ukraina. Franza marret titkellem maċ-Ċina.
Jekk Vassallo Cesareo irid jittieħed bis-serjeta’ għandu jibda huwa billi jagħti eżempju u jibda jixtri l-fuel mingħajr sussidju għall-kumpanija tiegħu u jħeġġeġ lill-membri l-oħra biex jagħmlu bħalu. Nagħmlu mħatra ma jkunx hemm lanqas wieħed li jagħmilha.
Nispera li din mhix xi manuvra biex jitneħħa s-sussidju fuq l-elettriku domestiku imma jitħalla għall-kumpanji – anki dawn jiżdidilhom għas-skapitu taċ-ċittadini komuni.
Jekk dan huwa l-każ, dan hu verament każ ta’ puppatur li ma għandux jittieħed bis-serjeta’.