Għaliex dan il-gvern ħalla li titnaddaf kull traċċa ta’ evidenza mill-post fejn miet Jean Paul Sofia?

Minn Edwin Vassallo

Nibda’ biex nuri solidarjeta tiegħi ma’ dak il-bniedem li ġie arrestat għaliex mar iwaħħal ritratt ta’ Jean Paul Sofia li miet fuq il-lant tax-xogħol. Waqt li hu minnu li Jean Paul Sofia miet b’inċident, huwa wkoll minnu li dan il-Gvern huwa determinat li joqtol kull possibilita’ ta’ inkjesta pubblika u kull inkjesta oħra li tista’ ssir. Il-Gvern irid b’saħħa joqtol kull memorja ta’ dan il-każ. Issa lest anki jarresta lil min jipprova jfakkar din il-mewt b’ġesti pubbliċi.

Ta’ xejn il-Ministru tal-Ġustizzja jgħid li ma hemmx differenza bejn inkjesta maġisterjali u inkjesta pubblika. Meta jgħid hekk verament dan il-ministru jrid jgħatti x-xemx bl-għarbiel. Għaliex li kieku verament il-gvern ma għandu xejn x jaħbi, ma kienx jara li jħalli lil min inaddaf kull evidenza mis-sit fejn seħħet il-mewt ta’ dan iż-żagħżugħ.

Tassew li għandha raġun l-opinjoni pubblika li titlob inkjesta fuq dan il-każ. Għandu fuq xix jinkwieta l-poplu meta jara gvern b’id iebsa ma’ din l-omm b’determinazzjoni tal-azzar li qed tfittex il-ġustizzja. Dan huwa gvern li qed juża din l-id tal-ħadid biex jaħbi kull traċċa ta’ kawża wara dan l-inċident. Quddiem dan kollu, ma jridx inkjesta pubblika għaliex jekk issir jinkixef li dan huwa gvern li saħansitra ħadem u qed jaħdem biex jinħbew il-provi ta’ min hu risponsabbli għal din il-mewt.

Bl-imġieba tiegħu, dan l-gvern qed ikompli jitfa’ l-ġebla fuq saqajh. Dan il-gvern qiegħed iqanqal aktar dubji fil-poplu Malti. Il-poplu Malti issa qiegħed jistaqsi l-mistoqsijiet li nemmen li jista’ jkunu mwieġba minn inkjesta pubblika. Lil min qed jiddefendi dan il-gvern b’din l-attitudi tiegħu? Għaliex ippermetta li l-binja fejn seħħet din it-traġedja tħalliet titwaqqa’? Min ser jirrispondi għal dawn il-mistoqsijet? X’tista’ tikxef aktar din l-inkjesta pubblika dwar dan il-gvern? Għala dan il-gvern irid li jibqa’ għaddej bulldozer b’tant saħħa biex iħassar kull evidenza ta’ ħtija f’dan il-każ?

3 thoughts on “Għaliex dan il-gvern ħalla li titnaddaf kull traċċa ta’ evidenza mill-post fejn miet Jean Paul Sofia?

  1. Tpecliq fil vojt tas-soltu. Skond il-MTD kull ma sar fuq il-post wara id-disgrazzja kien bil barka tal-magistrat inqwirenti.

    1. Il-qorti kull ma qalet li jista jitnehha. Izda kien sta tal-gvern li din l-opinjoni u mhux decizzjoni tal-qorti, ma sehhx. Izda l-gvern ha l-okkazzjoni u kines kollox, flok ghamel inkjesta pubblika, ghax ghandi lil min jahbi. Ghalhekk idejh marbuta kif qal.

  2. Evidenza ghad hemm ghaliex il filmati tal binja tiggarraf kien fuq FB. Jidher car li l istruttura kienet nieqas ghal kollox min pilastri tal konkrit.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *