La kulħadd jitħanżer, mela nieħu paga oħra – il-każ taċ-Chairman tal-PBS. Mark Camilleri ħa joħrog b’xi chats? Ir-Repubblichini u Manuel Delia ħa jinżlu jipprotestaw?

Minn Marica Micallef

Simon Mercieca tana l-istorja li ħarġet minn The Shift News dwar iċ-chairman tal-PBS, Mark Sammut, li skont din il-media, “dan qed jieħu żewġ pagi tal-istess xogħol li qed jagħmel, jiġifieri paga ta’ CEO tal-PBS u paga oħra bħala chairman tal-Bord tad-Diretturi tal-PBS.”

Skont il-kumment li ppubblika Simon Mercieca li deher taħt l-artiklu ta’ The Shift News, Sammut kien “canvasser ma’ John Dalli u qaleb mal-Labour meta l-istess Dalli qaleb mal-Labour. Mela dan Sammut għamel snin twal taħt in-Nazzjonalisti jgawdi dejjem bis-saħħa ta’ Dalli u l-klikka li kellu, fosthom l-eluf kbar li ħa u għadu jieħu minn Transport Malta.”

Qrajtuha l-proża, għeżież Laburisti? Qegħdin taraw kif taħt il-gvern li tant tħobbu u li ċċapċpulu u taqbżu għalih meta dan is-sit jikkritikah, biex forsi tiftħu għajnejkom u tqumu mir-raqda għall-ġid ta’ dan il-pajjiż sħiħ u għal uliedkom, hemm xi klikek li jpappuha? Intom, Laburisti mweġġgħin li bqajtu b’xejn, saret ġustizzja magħkom? Jew issir ġustizzja magħkom meta tkun ġejja l-imbierka elezzjoni, ħalli jagħlqulkom ħalqkom u tiftakru fihom b’dak l-imbierek vot ħalli jżommu dak l-imbierek siġġu?

Intom, li ġejjin, bħali, minn familja Laburista, imisskom dat-tip ta’ privileġġi taħt il-gvern tal-Labour? Mhux għax jiena rrid xi privileġġi bħal dawn, biex niftehmu. U għax jiena m’għandix x’naħbi, meta tkeċċejt mill-MCAST, eżatt qabel il-Covid, kont bgħatt messaġġ lil Robert Abela fejn tlabtu kif seta’ joffri l-għajnuna tiegħu fl-inġustizzja li kienet saret miegħi. Għax jiena tkeċċejt b’vendikazzjoni għax tkellimt u mhux għax kont qed nonqos mid-dmirijiet tiegħi. Anzi, kien hemm diretturi li kienu lesti jixhdu dwar il-professjonalita’ tiegħi imma li qatt ma ġew imsejħa biex jitkellmu għax qatt ma sar xi tip ta’ proċess akkademiku, dixxiplinarju u ġust quddiem xi bord qabel jiena tkeċċejt. Il-bord sar jaf wara, meta l-avukat tiegħi bagħtilhom ittra u l-bord għajjatlu pero’ mingħajr il-preżenza tiegħi. L-avukat tiegħi ma kienx qagħad jiddejjaq jgħidilhom li dan hu insult u juri wkoll il-mod kif l-MCAST iħares lejn il-ġeneru femminili! Il-kap tal-bord ta’ dak iż-żmien, li rriżenja ftit ġimgħat wara t-tkeċċija tiegħi, tgħidx kemm kien qaleb għajnejh ‘il fuq waqt id-diskors tal-avukat tiegħi. Il-bord lanqas biss kien jaf bil-każ tiegħi u bit-tkeċċija tiegħi! Hekk jaħdmu xi istituzzjonijiet f’dal-pajjiż miżoġenu. Imma Abela kien weġibni “Jiena ma nidħolx fiha.”

U meta jiena tkeċċejt mill-Caritas għax irrifjutajt li nieħu l-vaċċin, dan is-sit ukoll ikkuntattja lil Abela biex jispjegalu. Għax din ukoll kienet inġustizzja. Abela qas biss irrisponda. Daqshekk jimpurtah Abela min-nies li tilfu l-impjieg għax irrifjutaw vaċċin li hu mar jinkoraġġixxi lil kull min iħaddem biex jobbliga lill-ħaddiema jieħdu – vaċċin li jew ħa jimmankak jew joqtlok, u li kellek dritt tirrifjuta, anki kieku kien mirakuluż.

Qabel inkompli, nixtieq ngħid li jiena f’dan is-sit m’għandi l-ebda aġendi kif waħħluha fil-kurvituri ta’ moħħhom xi qarrejja. Ma nifhem qatt kif xi qarrejja jaslu għal xi konklużjonijiet foloz. Qisu li tikteb kontra l-politiċi xi sagrileġġ. Jew għax tkeċċejt minn xi xogħol jew missieri għoddu nqatel bil-protokol qattiel li l-gvern aċċetta li jħaddan, bl-iskuża ta’ virus fażull u pandemija fażulla, li bihom ġiegħlukom tagħmlu taħtkom bil-biża’, mela allura għandi aġenda kontra l-gvern. Kieku ridt, stajt niftaħ kawża bil-fajl ta’ missieri fil-qrati kontra l-gvern. Kieku ridt, kont nagħmel l-istorja ballun politiku. Kieku ridt, tlajt anki fil-qrati Ewropej. Kieku fil-gvern kien hemm il-PN, kieku l-istess affarijiet li ktibt kontra l-gvern tal-Labour kont nikteb. L-aġenda tiegħi, jekk tridu taħsbu hekk, hija dik li nitkellem filwaqt li nikkritika lil kull min qed jgħakkes lin-nies. L-aġenda hija dik li naqbeż għad-drittijiet tagħkom, biex tindunaw x’inhu għaddej u tqumu mir-raqda, u tfarfru moħħkom mill-għanqbut, biex waqt li ftit ftit iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma, dan in-nazzjon irabbi l-ġwienaħ u jinħeles minn dawk li qed jagħsruh, iżebilħuh, ikissruh, jgħakksuh u jżommuh elf sena lura.

Imbagħad naqra stejjer bħal ta’ Sammut, u iktar noqmos. Tara nies bħal Sammut jieħdu żewġ [jekk mhux iktar] pagi, u forsi xi privileġġi oħrajn, u li kienu jpappuha taħt in-Nazzjonalisti wkoll, u inti li twelidt laburist u għadek laburist, tibqa’ ssaffar l-Aida b’paga waħda, waqt li forsi tiġi mogħmi b’xi żieda miżera fil-ġimgħa, u li biha tipprova tkaxkar sal-aħħar tax-xahar. U ssaqsi “imma kif għal dan-nies, flus bla rażan hawn imma għalija m’hawnx u l-paga tibqa’ mwaħħla b’kolla li bilkemm taqlagħha, għax jgħidulna li hekk taħdem l-ekonomija u li rridu nissikkaw iċ-ċintorin?” U ssaqsi “għaliex”?

L-għaliex hu li l-gvern tal-Labour kien qallek li tista’ tkun kontra tagħna imma tista’ taħdem magħna – fis-surrealiżmu u fantażija politika. Li ma qallekx il-gvern tal-Labour hu li tista’ tkun ta’ żewġ uċuh u wiċċek u wara xorta u taħdem magħna u nagħtuk żewġ pagi wkoll.

U n-Nazzjonalisti kif iħossuhom jaraw nies bħal Sammut li l-ewwel pappiha taħt in-Nazzjonalisti waqt li kien canvasser ta’ Dalli u li kif tela’ l-Labour, malajr neża’ l-maskra blu u libes il-ħamra u mar ipappiha taħt il-Laburisti? Iċ-ċittadini komuni Nazzjonalisti, li bħaċ-ċittadini komuni Laburisti jmorru għax-xogħol kuljum, jieħdu xi żewġ pagiet? Kien hemm xi laburisti fil-passat li pappuha taħt il-gvern Laburista u meta tela’ l-PN fil-gvern, pappuha wkoll?

Imbagħad il-biċċa qiegħda hawn. Dan mhuwiex każ ta’ “la kulħadd jitħanżer, mela nieħu paga oħra?” Robert Abela ħa jgħidlu biex jirriżenja lil Mark Sammut? Mark Camilleri ħa joħroġ b’ruħu u b’ġismu jattakka lil Mark Sammut, kif għamel lil Rosianne Cutajar? U r-Repubblichini u Manuel Delia ħa joħorġu jippuppaw sidirhom, waqt li mingħalihom li għax iżommu xi banner qed juru lill-poplu li għandhom il-fanali meħtieġa, waqt li jixxadinjaw minn Gwardamangia sal-Belt?

Eee bilħaqq…imma nsejt li mhemmx chats ta’ natura sesswali.

Eee bilħaqq…imma nsejt li mhemmx Yorgen Fenech involut.

Eee bilħaqq…imma nsejt li mhemmx xi “ġurnalista” li rridu nipproteġu.

Eee bilħaqq…imma nsejt li mhemmx xi ksur tal-liġi minn kriminal li rridu nneħħu l-attenzjoni tal-poplu minn fuqu.

Eee bilħaqq…imma nsejt li Mark Sammut huwa raġel.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *