Il-messaġġ politiku hu ċar: Bernard Grech qed jitħalla waħdu
Minn osservatur politiku.
Waqt li Bernard Grech kien qed jitkellem fil-Business Breakfast organizzat mill-Partit tiegħu, huwa qal li l-politiċi qiegħdin hemm biex jagħtu direzzjoni. Ta’ min iżid miegħu li mhux biss jagħtu direzzjoni imma jagħti wkoll pjan ta’ azzjoni. Meta jagħmlu hekk ikunu emmnuti li għandhom viżjoni għall-pajjiż.
Huwa saħaq li kull Partit politiku għandu jibqa’ jiddiskuti mal-imsieħba soċjali ħalli tkompli tissaħħaħ il-produttivita’ u l-kwalita’ tal-ħajja. Kif tista’ ma taqbilx ma’ Bernard Grech. Imma fl-istess ħin wieħed irid jistaqsi, Bernard Grech qed jagħmel hekk? Qed jagħti direzzjoni lill-pajjiż? Jew lill-partit? Qed joffri xi kwalita’ ta’ viżjoni? Jew qed jibqa’ gallarija u jżomm il-viżjoni għalih u għal partit tiegħu, jekk għandu.
Għadna kif rajna lill-istess Bernard Grech jgħid fil-Parlament li hu u l-Partit tiegħu ma għandhomx għalfejn joffru s-sottomissjonijiet tagħhom għad-diskussjoni. Lanqas kellhom għalfejn jipparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma tal-bini u l-kostruzzjoni. Min din id-dikjarazzjoni Bernard Grech wera kemm mhux lest li jipparteċipa f’diskussjoni biex jittejbu l-liġijiet għall-ġid tal-poplu kollu. Jew agħar, kixef li qed jitħalla waħdu. Tant hu hekk li Dr Grech kompla li l-Partit Nazzjonalista ma jagħmilx is-sottomissjonijiet tiegħu. Imma dan hu partit li għandu nies kapaċi biex jagħmlu sottomissjonijiet?
Li l-Partit Nazzjonalista ma għandux viżjoni ilna niddibattu fuqha. Ilna ngħidu f’dan is-sit li Bernard Grech huwa nieqes milli joffri soluzzjonijiet għall-futur tal-pajjiż. Ma hemmx għalfejn nistennew li la hu u lanqas il-Partit tiegħu mhumiex ser joffru s-sottomissjonijet għax dan ilna li fhimnieh mil-mod kif qed imexxi Dr Bernard Grech.
Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista fuq is-suġġett tal-kostruzzjoni, waqt konferenza stampa, qalilna li fadal żmien biex il-Partit Nazzjonalista jissottometti l-ideat tiegħu. Mela hawn għandna żewġ verżjonijiet għall-istess suġġett. Għandna lil Stanley Zammit jgħid li fadal iż-żmien allura jindika li l-Partit Nazzjonalista ser jissottometti l-ideat tiegħu. Imma fl-istess żmien għandna lil Bernard Grech jgħid li la hu u lanqas il-Partit ma għandhom għal fejn jagħmlu sottomissjonijiet.
Bernard Grech kompla jgħid li hu u l-Partit Nazzjonalista jagħmlu diskussjonijiet u jaqsmu l-ideat tagħhom ma’ diversi entitajiet, imma donnu l-istess Partit mhux qed jasal biex jibni viżjoni li jista’ jaqsamha mal-pubbliku kollu. Donnu Bernard Grech ma għandux interess li joffri alternattiva għall-Partit fil-Gvern. Dan ma jagħtix serħan il-moħħ. Dan ma joffri xejn biex l-elettorat javviċina lejn il-Partit Nazzjonalista. Dan ikompli jibgħat messaġġ li Bernard Grech tħalla waħdu.
