Min ta xhieda falza lill-PAC? Keith Schembri, Edward Scicluna jew Silvio Valletta?

Minn osservatur politiku

Il-gideb ma jonora lil ħadd. Il-gideb taħt ġurament mhux aċċettabbli taħt l-ebda ċirkustanza. Għalhekk huwa nkwetanti ħafna li fil-Public Accounts Committee (PAC) sirna nafu li xi ħadd mix-xhieda gideb. Lanqas titwemmen li tlett xhieda partikulari taw verżjonijiet differenti tal-fatti. Mela la ma qablux bejniethom bil-fors li xi ħadd minnhom qed jigdeb.

U dawn mhumiex nies komuni imma għandek eks-Ministru tal-Gvern, Edward Scicluna, eks-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat u eks-deputat kummissarju tal-pulizija. Dawn kienu qed jixhdu quddiem il-kumitat tal-kontijiet pubbliċi fil-parlament u taw verżjoni differenti ta’ min qed jagħti informazzjoni tajba. Kellek lil Edward Scicluna jgħid li hemm ‘kitchen cabinet’ fil-waqt li Keith Schembri jgħid li ma jeżistix. Kellek lil Keith Schembri jgħid li l-Ministru Scicluna kien involut fl-għoti tal-kuntratt tal-Electrogas u jkollok lill-istess Scicluna jgħid li dak il-kuntratt kien f’idejn ministru wieħed u ma ndaħallu ħadd. Kellek lil Silvio Valletta jgħid li ċempillu Keith Schembri biex ma jmurx jinterroga lil Yurgen Fenech u lil Keith Schembri jgħid li mhux veru. Min qed jgħid il-verita minnhom?

Dawn il-kontradizzjonijiet li ħarġu minn xhieda taħt ġurament huma wisq oxxeni biex jiġu aċċettati. Il-Partit Nazzjonalista permezz tar-rappreżentanti tiegħu fil-PAC marru għand il-pulizija biex jinstigaw investigazzjoni talli kellek verżjonijiet differenti tal-istess fatt. Din twassal biex tgħid li din hija xhieda mimlija gideb u ma tistax tiġi aċċettata meta tkun mogħtija taħt ġurament.

B’mod sfaċċat ix-xhieda kkontradixxew lil xulxin meta kienu qed jidhru quddiem il-PAC. Dan l-allegat gideb mhux aċċettabbli f’pajjiż demokratiku. U meta titkellem fuq tlieta minn nies li kellhom pożizzjonijiet għolja fit-tmexxija tal-pajjiż ikun iktar skandaluż li jinqabdu jigdbu. Minn dak li ħareġ s’issa mill-PAC qed joħroġ b’mod ċar li xi xhud ma kienx qed jgħid il-verita’. U għalhekk għamlu sew it-tliet deputati tal-Partit Nazzjonalista li marru għand il-pulizija.

Kellek xhud minnhom, Keith Schembri, li kompla jgħid li kien hemm ħafna gideb fix-xhieda ta’ diversi nies li dehru quddiem l-inkjesta pubblika. Il-bżonn urġenti li toħroġ il-verita’ f’dan l-aspett huma tassew importanti. Hemm bżonn li b’xi mod kulħadd ikun jaf il-fatti veri ħalli jekk kien hemm xi taħwid kulħadd jieħu dak li ħaqqu. Huwa mportanti wkoll li tinstab il-verita’ ħalli forsi noħorġu minn taħt dik is-sħaba sewda li waqgħet fuq il-pajjiż minħabba ħmieġ li ħareg fuq diversi kuntratti.

Il-pubbliku Malti u Għawdxi għandhom dritt għall-verita’ u l-amministrazzjoni kurrenti ma tistax taħsel idejha minn dan kollu. Wieħed jista’ jgħid li fil-każ Electrogas l-esekuttiv tal-lum ma kienx involut b’mod dirett f’dak li ġara. Imma t-tmexxija tal-lum ma tistax ma tagħmilx ħilitha kollha biex toħroġ il-verita. Irid isir kull sforz biex iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma u kulħadd jerfa’ r-responsabilita’ għal dawn l-episodji. Ma nistgħux noħorġu minn dawn l-episodji koroh jekk ma jkunx hemm l-isforz ġenwin li toħroġ il-verita’ kollha. Tkun biss il-verita’ li twassal biex il-pajjiż jibda jfiq minn dan id-disgwid kollu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *