“Jiena u żewġi vittmi ta’ No Deposit Cars… Christian Borg qalilna li l-bank tiegħu huwa Robert Abela!”
Minn qarrejja ta’ dan il-blogg
Jien u żewġi konna waħda minn dawk il-koppji li ngdimna mill-kumpanija No Deposit Cars. Jien u żewġi morna xtrajna karozza mingħandhom. Infatti, jien saħansitra kont miegħu meta mar jixtri din il-karrozza. Kien hemm is-salesman u bħal ma jiġri dejjem, meta wieħed ikun irid ibiegħ tgħidx kemm jibda jgħidilna xorti u kemm kienet tajba l-karozza u li l-magna u l-gearbox għandhom sentejn garanzija u dak li kien ser ikollna nħallsu kien biss €200 fix-xahar. Insomma qabel tlaqna, qalilna biex immorru naħsbuha, pero kompla jgħidilna li kieku kont flokkom ma nitilfuhiex.
Jumejn wara, aħna erġajna morna u rranġajna li se nixtruha. Ir-raġel tiegħi ta lis-salesman, li jismu Noel, fuq elf ewro bħala kapparra u mbagħad qallu li ried itih €280 biex nagħmlu t-transfer u aħna ħallasnieh. Imbagħad wara qalilna li rridu nagħmlu l-insurance u l-liċenzja u rridu nħallsu tliet xhur insurance lil dak li kienet għandu din il-karozza. Aħna għamilna kollox kif qalilna. It-tajba tinsab hawn li kif konna ħa nħallsu l-liċenzja qalilna li ħa żball għax din il-karozza kien imissa l-VRT u b’hekk irridu nagħmluhulha u biex tagħmel il-VRT irid ikollok il-log book u l-log book qalilna li qiegħed għand Transport Malta.
Jiena ċempilt Transport Malta u qaluli li l-log book ta’ din il-karozza mhux qiegħed għandhom. Imsomma, tana biċċa karta u morna biex nagħmlu il-VRT. Imma tal-VRT ma riedx jagħmilulna. Ċemplilna lil No Car Deposit u tlabna biex inkellmu lis-salesman u mbagħad għamluhulna.

Wara tawna l-liċenzja u l-insurance għax huma qalulna li ma nistgħux nagħmluhom x’imkien ieħor sakemm naqtgħu l-karozza kollha ħlief magħhom. Mela meta Noel ġie bil-kuntratt lili tani biċċa karta twila u isfel fit-tarf tagħha qal lir-raġel biex jiffirma. Jien qrajtu imma kien miktub b’lingwa tqila. Żewġi ffirmah. Għaddiet ukoll.
Mela il-karozza ħadnieha. Wara ftit ijiem, il-karozza ġralitlha l-ħsara u nagħmlu x’nagħmlu ma stajniex insewhuha. Morna għal xejn għand tan-No Car Deposits għax ma riedux jirranġawha. Ħadniha biex insewhuha għand ħaddieħor u ġietna kważi 200 ewro. Jgħaddu ftit jiem oħra u l-karozza reġgħet ma bdietx taħdem tajjeb. Aħna morna ngħidulhom. Imma kien kollu għal xejn għax kien hemm Christian Borg u ħareġ għalina u beda ikellimna ħażin. Beda jimbutta r-raġel minn dahru u tefgħu l-barra. Erġajna sewwejnieha aħna u ġietna xi tliet miet ewro oħra. F’inqas minn xahar milli xtrajnieha u wara dawn l-ispejjeż kollha, din il-karozza tieqaf għal darba oħra. Din id-darba għal kollox. Ma ridt tistarjta b’xejn.
Erġajna morna għand tal-No Deposit Cars u qalulna tistgħu tiġu kemm irridu għax xorta mhux ħa nirranġawha. Imbagħad għidtilhom intom ma għidtulniex li għandha l-garanzija. Qalulna mhux vera għandha l-garanzija. Intom ma għandkomx il-garanzija qalulna. Din ivvintajtuha intom għax aħna qatt ma għidnielkom hekk. Ir-raġel talab li jiġi Noel u meta dan ġie staqsieh jekk hux veru li qalilna li għandha l-garanzija. Noel ċaħad li qatt qalilna li għandha l-garanzija. Qed ngħid dan biex tara kemm huma frodisti. Aħna sa dan ittant bqajna nħallsu l-pagamenti fuq il-karozza li ilha wieqfa x-xhur issa.
Imbagħad ġegħluna nittowjaha b’towing tagħhom u neħodha għandhom. Huma jaraw x’għandha bħala spejjeż u qalulna mmorru l-bank u nagħtuhom il-flus fil-kont tagħhom. Għidtilhom issa naraw. Imbagħad jiena ċempilt il-bank u qaluli min kellu jagħtihom il-flus huwa dak responsabbli tal-karozza u mhux aħna.
Għidt mela din gidba oħra. Issa min ittowja il-karozza bit-towing tagħhom ħadilna kemxa tajba biex tara kemm huma ħallelin. U jiena mort u għidtilhom liema bank triduna mmorru u qalulna li huma għandhom l-bank tagħhom. Għidtilhom għidulna x’ismu. Qalulna ma nistgħux. Għidtilhom jiena ċempilt il-bank u qaluli l-bank ma jagħmilx dawn l-affarijiet. Għidtilhom li inthom responsabbli u kif għidtilhom hekk ifferoċċjaw u bdew jgħidulna l-bank tagħhom la hu l-BOV u l-anqas l-HSBC. Għidtilhom għidulna min hu l-bank tagħkom. U Christian Borg qalilna li l-bank tagħhom hu Robert Abela! U kif qalilna hekk issumajna. Minnufih, Christian Borg qabeż u beda jgħidilna “lili jagħmluli x’jagħmluli, jiena għandi l-kbir ta’ Malta jaqbeż għalija“.
Issa il-karozza tiswa’ sew fuq għaxar t’elef ewo – mhux ċajta. Issa aħna qabbadna avukat. L-avukat qalilna biex ma nibqgħux inħallsu u kemm huma bgħula għamlulna sekwestru. Issa anki d-dħul tagħna nqabad f’dan is-sekwestru.
Wieħed jistaqsi kemm il-pulizija u kemm il-qrati jafu li dawn jagħmlu daqshekk reati u dawn in-nies anka nqabdu bid-droga u bl-armi ġox-showroom. Dawn inqabdu bid-droga u kull min jaħdem hemm huwa frodist. Aħna ġejna ngannati b’dan il-kuntratt u b’karozza b’magna ħażina. Aħna mhux veru xtrajna imma krejna l-karozza, meta bil-fomm qalulna li ħa qegħdin nixtru karozza. Allura għaliex l-awtoritajiet iħallu dan ix-showroom miftuħ? Ma jafux l-awtoritajiet x’nies huma dawn? Li wieħed iħalli dan ix-showroom miftuħ qed jagħti lok biex aktar nies jiġu ffrodati. Dak li nista’ nżid li issa kollox inqaleb fuq Joseph Camenzuli li ffirma l-kuntratt tagħna.
U allura dawn jagħmlu li jridu għax hemm Robert Abela magħhom? Dawn ħadd ma jista’ għalihom? Aħna ħa nibqgħu nsaffru l-Aida? Jiena l-anqas jekk ma nieħux flusi lura, basta nikkanċella dan il-kuntratt u jitħassar is-sekwestru. Inħossuna li qegħdin ngħixu f’pajjiż li qiegħed jisraqna. Bis-sekwestru spiċċajna ma għandniex flus u mbagħad issib lil dawn il-frodisti qed jippruvaw jisolħuna.
Nixtieqek iġġib din l-ittra tiegħi imma ssemmix ismi.
Grazzi ħafna.
Diversi rapport identiċi fuq diversi platforms tal-media soċjali. Hemm bżonn li xi ħadd jinvestiga u jekk dawn ir-rapporti huma veritieri, jieħdu passi bla ebda esitazzjoni.