Deċiżjoni tajba tal-Prim Ministru dwar l-enerġija
Minn osservatur politiku
Bħala Malti nieħu pjaċir nisma’ lill-Prim Ministru jserraħli rasi li ser jibqa’ jagħti s-sussidju fuq l-enerġija. Għadni ma nistax nemmen kif il-Partit Nazzjonalista qed jgħaddi kummenti li jindikaw mod ieħor. Ma nista’ naċċetta qatt li Bernard Grech jagħti x’jifhem li kieku jkun hu fil-Gvern ikun irid jara kif jagħmel biex ma jġeddidx dan is-sussidju.
Barra Bernard Grech issa kellna lil Chris Said li waqa’ f’dik il-mantra li hemm bżonn li l-Gvern ma jistax jibqa’ jħallas is-sussidju. Aħna bħala ċittadini Maltin ftit jinteressana x’qed jgħidu l-istituzzjonijiet internazzjonali li għandna nwaqqfu dan is-sussidju. Jgħidulna Bernard Grech u Chris Said kif ser jagħmlu biex jagħtuna żieda tal-għoli tal-ħajja li tlaħħaq €25 fil-ġimgħa għax skond il-kalkoli hekk irid jagħti l-Gvern jekk jieqaf is-sussidju fuq l-enerġija.
Il-Partit Nazzjonalista jrid jieqaf jikkritika mingħajr ma jagħti soluzzjonijiet. Inutli jiġu l-mexxejja tal-istess partit ipaċpċu biex mingħalihom jidhru sbieħ, jfajjru u ma jagħtux rimedji għad-deċiżjonijiet tagħhom. Għandu raġun il-Prim Ministru jgħid li l-Partit Nazzjonalista jrid iwaqqaf is-sussidju għax dan intqal mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista u issa minn Chris Said waqt konferenza stampa. Skond il-Prim Ministru l-Gvern huwa determinat li jibqa’ jagħti s-sussidju lill-familji u lill-businesses Maltin u Għawdxin.
La din hija deċiżjoni nazzjonali u ma jindaħlux l-istituzzjonijiet internazzjonali, bħal l-Unjoni Ewropea, aħna naqblu mad-deċiżjoni tal-Gvern biex jibqa’ jagħti s-sussidju. La ma hemmx kondizzjoni mponuta mill-Ewropa huwa tajjeb li l-Gvern jibqa’ jikkuxinja l-għoli tal-ħajja. Huwa biżżejjed li l-prezzijiet ta’ kollox qed jogħlew mogħla s-sema u ma jistax ikun li l-poplu jidħol għaż-żieda tal-enerġija.
Nafu li hemm suġġerimenti minn istituzzjonijiet li bħala pajjiż għandna noqgħodu attenti li ma ndardrux l-ilma li rridu nixorbu minnu, imma ma jistax ikun li jiġrilna bħal pajjiżi oħra Ewropej fejn il-familji mhux qed ikollhom flus biex iħallsu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma. Lanqas hu sewwa li l-businesses, speċjalment iż-żgħar, tant qed jogħlewlhom il-kontijiet li numru kbir minnhom qed jinfnew u allura jkollhom jagħlqu.
