Dan il-gvern żied il-portafol tal-kult reliġjuż bħala parti mid-dekasteru tal-Ministeru tal-Kultura bil-barka ta’ Arċidjoċesi ta’ Malta.
Minn Edwin Vassallo
Meta kienu jeżistu gvernijiet Komunisti, dawn kien ikollhom rappreżentanti tal-gvern biex ikunu responsabbli mill-kult reliġjuż. Dawn il-gvernijiet kienu jaraw li filwaqt li jgħidu li jottolleraw il-prattika reliġjuża b’mod ħieles, fil-prattika kienu jagħmlu liġijiet biex permezz tagħhom kienu jkunu jistgħu jaħkmu fuq il-liberta ta’ min kien jemmen bl-iskuża li qiegħed jikser il-liġi tal-istat u mhux kien qed ikun arrestat għaliex kien jipprattika l-fidi tiegħu. Illum qed naraw dawn il-prattiċi Kommunisti jseħħu f’pajjiżna.
F’pajjiżna ta’ min wieħed jinotta li l-Ministru Owen Bonnici, fil-vesti tiegħu bħala l-Ministru tal-Kultura, qed jattendi għal kull stedina li jkun hemm mill-Knisja Maltija biex jonoraha bil-preżenza tiegħu waqt il-funzjonijiet reliġjużi. Issa qed issir prattika ta’ dan il-gvern li jkun il-Ministru tal-Kultura li jmur għall-funzjonijiet reliġjużi. Ġa rajnieha din isseħħ fil-funzjoni ta’ Kristu Re f’Novembru li għadda. Normalment, għal din il-funzjoni kien jattendi l-Prim Ministru peress li din kienet funzjoni li jippresedi fuqha l-arċisqof. Issa min-naħa tal-gvern sar downgrading ta’ din il-funzjoni. Hemm wieħed kien jinnota l-preżenza tal-Ministru Owen Bonnici, li mar fil-vesti tiegħu ta’ ministru responsabbli mill-kultura.
Imma dak l-aktar inkwetanti u għala qiegħed nikteb dwar dan għaliex din l-attitudni Kommunista qegħda tkun introdottata bil-kompliċita’ tal-Knisja f’Malta. Dan juri issa bil-fatti kemm ir-reliġjon għall-istess Knisja f’Malta saret titqies bħala parti mill-kultura.
Jien nħobb ngħid li “il-politika saret reliġjon u r-reliġjon saret kultura“. Din ma hix kwistjoni ta’ tajjeb jew ħażin għaliex kollox huwa tajjeb jew ħażin skont min, kif u għaliex ikun qed isir. Iżda tajjeb wieħed jinnotta f’liema stat ta’ sekularizzazjoni wasalna fih f’pajjiżna. U jiddispjaċini ngħid u nerġa’ nirrepeti li dan qed isir bil-kompliċita’ tal-Knisja f’Malta. Nemfasizza l-kelma Malta. F’Għawdex l-affarijiet huma differenti. L-isqof Teuma ma jidhirx li jrid jara r-reliġjon nisranija ridotta għal sempliċi manifestazzjoni kulturali.
Il-ġudizzju tiegħi huwa li nasal ngħid li meta gvern, hu min hu, jasal jittratta r-reliġjon bħala kultura biex dak li jiddeċidi hu jsir r-reliġjon uffiċjali tal-pajjiż, allura dan ikun il-waqt li fih l-istat ikun daħal fi stat ta’ ħakma fuq il-liberta’ tal-fidi tal-poplu. Il-poplu jkun daħal fi stat ta’ ħakma fuq il-liberta’ tal espressjoni ħielsa tiegħu.
Ma ninsewx f’pajjiżna, l-establishment politiku approva liġijiet, speċjalment fil-qasam tal-ideoloġija tal- ġeneru, li bdew joħolqu sterjotipi ta’ moralita’ li filwaqt li tissejjaħ inklussiva, fil-verita’ ma hija inklussiva xejn. Din id-demoralizzazjoni qed twassal għal diżumanizzazjoni u żvalutazzjoni tad-dinjita’ umana. Din id-diskussjoni twassalni biex nagħmel mistoqsija lill-Knisja – b’mod partikolari dik Maltija. X’inhi r-raġuni li għadha qed tistenna li jkollha l-preżenza tal-politiku għall-funzjoniijiet religjużi tagħha?
Il-politiku għandu jkun hemm għax jemmen u mhux għax il-gvern issa ddeċida li l-ministru responsabbli mill-kultura jkun responsabbli mill-kult reliġjuż. Illum il-kult reliġjuż sar parti mill-aspett kulturali ta’ pajjiżna. Il-Knisja għandha tfittex is-separazzjoni bejn stat u knisja. Għaliex il-politiku li jilleġiżla u jivvota favur liġijiet li jmorru kontra l-liġi ta’ Alla għadu qed jistenna li jkollu post fuq quddiem fil-funzjonijiet reliġjużi?
Fuq kollox il-mistoqsija ewlienija tibqa’ waħda. X’relevanza fiha l-fidi għall-politiku? U jekk fiha relevanza lest il-politiku li jgħix din ir-relevanza tal-fidi f’ħajtu? Jekk il-politiku lest li jgħix dik ir-relevanza tal-fidi f’ħajtu allura għandu jkun fuq quddiem fil-funzjonijiet reliġjużi. Imma jekk le, aktar ħsara milli ġid ikun qed jagħmel lill-fidi ta’ Kristu bil-preżenza tiegħu fil-knejjes.

Ghix il-fidi tieghek u halli l-haddiehor jghix tieghu.
Trid bilfors timponi l- moralita tieghek.
Fundamentalista wisq man!