L-Air Malta saret għasfur taċ-ċomb kif kien bassar il-PN: fl-2017, Konrad Mizzi qal li l-Air Malta sejra tajjeb u ħames snin wara tkun dikjarata falluta.
Minn osservatur politiku.
Illum sirna nafu li l-Air Malta ilha għaddejja minn problemi għal ħafna żmien. Imma nixtieq infakkar li fl-2017, il-Ministru risponsabbli mill-Air Malta ta’ dak iż-żmien kien qal lill-azzjonisti li l-Air Malta kienet sejra tajjeb ħafna. Illum insiru nafu li hemm problemi kbar. Mela r-raġunijiet huma tnejn. Jew dan l-inkwiet kollu beda wara l-2017 jew inkellha Konrad Mizzi kien qiegħed jigdeb meta fl-2017 li l-Air Malta sejra tajjeb. Żgur li din l-istorja tal-Air Malta mhix qed tagħmel ġid lill-pajjiż. Din is-sitwazzjoni qed toħloq diffikultajiet lill-poplu kollu Malti u Għawdxi b’mod speċjali lill-ħaddiema tal-istess Air Malta. Biss l-agħar li qed jiġri huwa li din is-sitwazzjoni dubbjuża qed twassal għall-effett negattiv fuq dawk li jivvjaġġaw fuq l-istess airline.
Diġa’ għaddew sentejn minn meta l-Gvern fetaħ id-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-possibilita’ ta’ għajnuna biex tiġi salvata l-Air Malta. Mela wara l-2017, żgur li l-affarijiet ma kienux sejrin tajjeb f’din il-kumpanija. Il-Gvern xtaq li jinjetta miljuni fl-airline Maltija biex jipprova jsalvha imma jidher minn dak li qal iċ-Chairperson tal-istess airline li l-Kummissjoni mhux ser taċċetta din l-għajnuna ssir. Skont David Curmi l-kumpanija ser tagħlaq u tinfetaħ kumpanija oħra, forsi iżgħar, li tkun propjeta tal-Gvern.
Il-Ministru tal-Finanzi rribatta dak li qal Curmi u ddikjara li ma jistax jasal għal dik il-konklużjoni għaliex id-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea għadhom għaddejjin. L-istess Ministru wiegħed li ser jinforma b’kollox lill-poplu meta jgħalqu d-diskussjonijiet. Biss jidher li s-sitwazzjoni hija ħafna aktar qrib ta’ dak li qal Curmi milli dak li qed jipprova jgħid il-Ministru. Nisperaw li l-Ministur tal-Finanzi mhux qed jagħmel bħal Konrad Mizzi u qed jitnejjek bin-nies. L-għajnuna tal-iStat lill-kumpanija ġiet miċħuda.
Wasal iż-żmien li l-Ministru jkun sinċier mal-poplu u jgħid li l-isforzi ta’ dawn l-aħħar xhur ma waslu mkien u l-kumpanija Air Malta kif nafuha hemm bżonn li tingħalaq. Din iċ-ċarezza hija bżonnjuża kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-poplu kollu Malti u Għawdxi. Ma jistax jkun li l-airline nazzjonali ta’ pajjiżna tibqa’ għaddejja b’dawn id-dubji kollha. Hemm bżonn ta’ kjareza fuq il-futur tant importanti ta’ kumpanija nazzjonali tal-ajru, għax din il-kumpanija nazzjonali hija ta’ importanza kbira għall-pajjiż minħabba l-konnettivita tant neċessarja għalina.
Jekk ma tistax tiġi salvata l-Air Malta xorta jibqa’ l-fatt li strateġikament gżiritna għandha bżonn linja nazzjonali tal-ajru. X’ser jiġri minn din il-kumpanija, mingħajr dubju, ser ikollu effett kbir fuq it-turiżmu lejn pajjiżna. Hemm bżonn li l-pożizzjoni tiġi kjarifikata kemm jista’ jkun malajr. Hemm bżonn li l-Kummissjoni Ewropea tieħu deċiżjoni finali mingħajr ħafna tul ta’ żmien. Hemm bżonn li nneħħu l-inċertezza u nħarsu ‘l quddiem b’deċiżżjoni finali għall-ġid ta’ pajjiżna.
Il-futur tal-ħaddiema jrid jingħata importanza kbira. Ma jistax jkun li l-kważi 400 ħaddiem jibqgħu mdendlin hekk. Jekk ser jispiċċaw iridu jingħataw dak li hu tagħhom f’sitwazzjonijiet simili u l-Gvern għandu jibda’, kemm jista’ jkun malajr, jirrekluta nies ġodda biex jaħdmu mal-kumpanija l-ġdida, li mid-dehra trid tinħoloq. Iktar ma jittieħdu d-deċiżjonijjiet malajr iktar aħjar għal kulħadd. Il-pajjiż ma jistax jaffordja sulluzzu fit-turiżmu lejn pajjiżna. L-istess turiżmu jilgħab parti ntegrali fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna biex inħalluh jidħol f’xi dubju.
Li hu żgur u sakrosant li l-kumpanija l-ġdida ma tistax titħaddem kif kienet qed titmexxa l-Air Malta. Ma jistax ikun li l-politiċi jużaw din il-kumpanija bħal post fejn jistgħu jaqdu lill-kostitwenti tagħhom billi jingħataw ix-xogħol mal-kumpanija kif kien isir fl-Air Malta. Hemm bżonn li l-ħaddiema ġodda mal-kumpanija li ser tinfetaħ ikollhom kjarifika fil-kondizzjonijiet tagħhom u ma jkunx hemm tibdil u tgerfix bħal ma kien ikun hemm fl-Air Malta kull darba li jinbidel xi Ministru.
Infakkar biss li meta twaqqfet l-Air Malta fil-bidu tas-snin sebgħin, il-kritika tal-PN kienet li dawn huma għasafar taċ-ċomb. Illum, din qed issir verita’. L-istess partit li fetaħ l-Air Malta ser jispiċċa jagħlaqha. Imsomma min xarbu ser jispiċċa jieklu l-bakkaljaw.

Nisperaw li l-Ministur tal-Finanzi mhux qed jagħmel bħal Konrad Mizzi u qed jitnejjek bin-nies. Bid-dovut rispett. Kienu bosta l-politiċi responsabbli mill-AirMalta li tnejku bi nies u mhux ġust li din tiġi attribbwita lill-Ministru preżenti. Huwa fatt li l-kumpanija ilha sejra lura u dan ġara għal diversi raġunijiet, fosthom l-impjieg ta’ nies lil hinn minn dak meħtieġ. Sinċerament nispera li tinstab soluzzjoni għaliex għal pajjiżna l-kumpaija tal-ajru nazzjonali hija mportanti fejn tidħol konnettivita’ fil-qasam turistiku.