Anki l-Kamra tal-Periti qed tgħid li l-affarijiet ma sarux sew u li hemm bżonn inkjesta pubblika

Dan is-sit mhux l-uniku wieħed li qed jiżvela li l-affarijiet ma sarux sew f’dak li jikkonċerna din il-binja li waqgħet ġewwa Kordin u qatlet lil Jean Paul Sofia. Wara li kien irrappurtat fil-media, li din il-binja twaqqgħet, il-Kamra tal-Perit ħarġet turi l-opinjoni tagħha dwar dan il-fatt. Hi qed tgħid li l-affarijiet ma sarux sew u għalhekk hemm bżonn ta’ inkjesta pubblika barra dik maġisterjali. Dan għaliex skont l-istess Kamra tal-Periti, dak li ġara f’Kordin ma hux normali. U l-anqas dak li qed ikompli jiġri, inkluż kif twaqqgħet din il-binja ma jidher li huwa normali. Nemmen li f’dan il-każ mhux biss irid ikun hemm il-permess tal-Planning Authority biex titwaqqa’ din il-binja imma anki tal-maġistrata li qed tagħmel l-inkjesta. Jidher ċar li min mar fuq il-post biex iwaqqa’ din il-binja għandu l-protezzjoni tal-awtoritajiet. Kieku ma għandux il-protezzjoni tal-awtoritajiet, mhux ser iwaqqgħaha.

Fuq kollox, ħadd ma għandu jġib l-argument li kien leċitu li dawn waqqgħuha għaliex kienet fi stat ta’ periklu. Infakkar li din il-binja kienet mgħassa mill-pulizija. Nemmen li la darba twaqqgħet, din twaqqgħet għaliex tneħħitilha l-għassa.

Infakkar ukoll li jeżistu proċeduri fil-planning li fejn ikun hemm bżonn ta’ permessi fast track – minħabba periklu – dawn jingħataw. Għalhekk dan is-sit qed jistaqsi jekk kienx hemm permess biex dan s-sit jitwaqqa’. U jekk kien hemm permessi biex jitwaqqa’, dawn il-proċeduri fil-Planning għaddew mill-proċeduri biex jinħarġu permessi malajr?

Infakkar u ninsisti li tkun xi tkun is-sitwazzjoni tal-bini, biex dan jitwaqqa’, dejjem trid issir applikazzjoni. Fil-każ li jkun fi stat ħażin, jista’ jinġib l-argument li hemm bżonn ta’ permess li jinħareġ malajr minħabba li hemm riskju ta’ periklu. Sar dan l-argument biex twaqqgħet din il-binja? Fi kliem ieħor, f’dan il-każ, intalab dan it-tip ta’ permess?

Għadni nistenna tweġiba mingħand l-awtoritajiet.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *