Kellhom permess tal-Awtorita’ tal-Ippjanar biex iwaqqgħu s-sit fejn inqatel Jean Paul Sofia? Dan il-fatt juri li kien hemm verament urġenza biex il-parlament jiddibatti din l-istorja.

Il-Malta Today tagħtna l-aħbar li s-sit fejn inqatel Jean Paul Sofia twaqqa’. Bir-raġun, il-Malta Today qalet, li dan il-fatt jista’ jwassal biex evidenza marbuta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia tintilef għal dejjem.

Imma hemm aktar dwar din il-istorja li dwarha wieħed għandu jitkellem. Infakkar li llum “demolition works” huma mitqiesha bħala żvilupp li jaqa’ taħt il-liġi tal-ippjanar. Mela biex wieħed iwaqqa’ sit, irid jitlob permess tal-awtorita’ tal-Ippjanar. Anki s-sidien ta’ dan is-sit, biex iwaqqgħu, dak li baqa’ minn din il-binja riedu permess ta’ din l-awtorita’. Anki jekk il-binja issa kienet fil-periklu, xorta, wieħed irid japplika. Mela dan it-twaqqiegħ suppost hu kopert minn permess tal-Awtorita’ tal-Ippjanar.

F’dan il-kuntest, wieħed jistaqsi jekk kienx hemm permess tal-Awtorita’ tal-Ippjanar biex titwaqqa’ din il-binja? Jekk kien hemm permess, allura kien hemm applikazzjoni. Jekk kien hemm applikazzjoni min applika biex iwaqqgħha? Ġiet infurmata l-maġistrata inkwerenti? U jekk ma kienx hemm permess wieħed jistaqsi x’ser jiġri?

Il-Prim Ministru waħħal fil-maġistrata Marse-Ann Farrugia għaliex għadha ma għalqitx l-inkjesta. Żgur li din l-azzjoni ser ittawwal u mhux tqassar iż-żmien ta’ din l-inkjesta. Imma naħseb li għandna naqblu li l-maġistrata ma tidħolx fuq issue ta’ planning u twaqqiegħ ta’ siti ta’ kostruzzjoni.

Infakkar li l-permess li kien hemm fuq il-binja, li fiha sar dan l-inċident ikrah u miet Jean Paul Sofia, kien ikopri biss il-bini ta’ din l-istess binja. Dan ma kienx permess li jkopri wkoll it-twaqqiegħ ta’ din l-istess binja.

Din l-istorja ta’ dan it-twaqqiegħ tal-binja tkompli turi kemm verament hemm ħtieġa ta’ inkjesta pubblika u kemm din l-inkjesta pubblika hija urġenti u tikkwalifika għat-tliet kwalitajiet meħtieġa li fuqha kellha tintlaqa’ it-talba tal-oppożizzjoni u jsir dibattitu fil-parlament biex ikun hemm din l-inkjesta pubblika. Tant kemm huwa urġenti dan id-dibattu u din l-inkjesta, li xi ħadd mar malajr jiġri jwaqqa’ din il-binja qabel ma tkun komposta.

Nispera li l-Awtorita’ tal-Ippjanar tgħidilna jekk kienx hemm permess jew le biex titwaqqa’ u jekk ma kienx hemm permess jittieħdu l-passi kollha neċessarji skont il-liġi kontra min waqqgħaha. U jekk kien hemm tgħidilina fuq liema kriterju ngħata l-permess biex titwaqqa’ meta l-inkjesta tal-maġistrata għadha għaddejja.

Hu ċar daqs il-kristall li l-awtoritajiet kompetenti huma kollha qaqoċċa mal-kriminali biex titgħatta il-verita’ f’dan il-każ. Din l-istorja ta’ dan it-twaqqiegħ tkompli tikkonferma kemm hija bżonnjuża din l-inkjesta pubblika ħalli anki tistaqsi kif twaqqgħet din il-binja u jekk kienx hemm permessi u jekk kien hemm permessi kif inħarġu!

Aktar dwar stejjer marbuta ma’ din l-istorja ser ikunu swelati llejla fuq Xejk TV fit-8.30 pm.

One thought on “Kellhom permess tal-Awtorita’ tal-Ippjanar biex iwaqqgħu s-sit fejn inqatel Jean Paul Sofia? Dan il-fatt juri li kien hemm verament urġenza biex il-parlament jiddibatti din l-istorja.

  1. Wiehed ma jistennix ahjar minn pajjiz korrot u marmalja ta kostrutturi blacc ghad dhul ta RENTI. Hadd ghadu ma qalilna ta’ min hija il popjieta u x’permessi kellha. Nistghu ikollna ftit informazjoni ? Jew qedin nistennew xi Dottorre fil QRATI jghamel show.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *