It-taħdidiet bejn l-infermiera u l-gvern: nispera li llejla tiġi fi tmiemha din is-saga kollha.
Minn osservatur politiku
Nisperaw li llum l-infermiera u l-qwiebel jieħdu deċiżjoni għaqlija u li twassal biex huma ikunu kuntenti f’dak li qed joffri l-Gvern. Nisperaw ukoll li l-Gvern qed ikun sinċier f’dak li qed joffri u jwassal biex l-impjegati tas-saħħa jkunu jistgħu jaħdmu bi trankwillita u b’moħħhom mistrieħ li qed jingħataw dak li verament xieraq għalihom.
Il-lejla ser jittieħed vot u jekk ikun hemm qbil naraw lill-isptarijiet jerġgħu lura għas-sistemi li kull Malti u Għawdxi jistenna minnhom għas-serħan il-moħħ ta’ kull min jattendi għal xi appuntament l-isptar. Is-saga twalet wisq u ma kienx hemm għalfejn titwal daqshekk biex iduru ma’ mejda u jaslu għall-konklużjonijiet fin-negozjati tagħhom. Kull min qed jagħti sehmu fit-taħdidiet għandu jkollu kuxjenza safja li qed jintagħmel minn kollox biex ma jinħolqux diffikultajiet għall-pazjenti.
Ser ikunu l-istess infermiera u qwiebel li ser janalizzaw il-lejla jekk il-kondizzjonijiet offruti jagħmlux sens għalihom. Ser ikunu huma li jaraw jekk dak offrut huwiex dak li kienu qed jistennew jew jikkonsidrawhx adattat fiċ-ċirkostanzi li għaddej minnhom il-pajjiż. Il-bieraħ kellna liż-żewġ ministri jispjegaw dak li qed ikun offrut min-naħa tal-Gvern.
Meta taqra l-opinjonijiet tal-ministri tasal biex tgħid li l-infermiera u l-qwiebel ser imorru tajjeb fil-pakkett li qed jiġi offrut. Biss kif tisma’ lir-rappreżentanti tal-impjegati titħawwad u tgħid hawn min qed jgħid il-verita’. Għalhekk għamlet sew l-MUMN li ser tgħaddi dak kollu offrut lill-impjegati biex ikunu jistgħu janalizzaw huma stess u jaslu għal deċiżjoni fuq dak kollu li hemm fl-offerta tal-Gvern. Żgur li mhux ser tkun offerta ta’ ħaġa waħda imma ser tkun ħafna aktar komplessa. Mela jagħmlu tajjeb il-ħaddiema li janalizzaw il-pakkett kollu u jaslu għad-deċiżżjoni b’mod infurmat.
Dak li ser jiġi deċiż il-lejla ser ikun finali għaliex ma hemmx iżjed possibilita’ li jittieħed vot ieħor. Allura nittamaw li l-infermiera u l-qwiebel jistudja sew il-pakkett offrut u jaslu għal deċiżjoni b’kuxjenza safja. Jidher li ma kienx hemm qbil bejn l-Gvern u l-MUMN u peress li l-Gvern wasal għall-aħħar offerta tiegħu ser tagħmel sew l-MUMN li toffri d-deċiżjoni finali lill-ħaddiema stess. Hekk kulħadd ikollu sehem dirett fuq dak li hemm offrut u jekk jingħoġobx jew le il-pakkett ikun deċiż minn min hu nvolut direttament.
Il-pubbliku jrid jara din is-saga magħluqa kemm jista’ jkun malajr u ma tagħtihx tort għaliex hemm bżonn ta’ serħan il-moħħ fuq is-servizz tas-saħħa. Tisma’ ż-żewġ naħat jitkellmu taħseb li qiegħdin il-bogħod ħafna minn xulxin, imma jekk kulħadd ikun konxju minn dak li għaddej minnu l-pajjiż bħalissa allura ser nittamaw li l-infermiera u l-qwiebel ser jaslu għal deċiżjoni b’kuxjenza safja u b’lealta lejn il-pazjent li tant hu għal qalbhom.