Il-kap tal-Oppożizzjoni għandu raġun jistaqsi dwar il-mottiv politiku wara d-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jikteb lill-Prim Imħallef biex jugża maġistrata.
Minn osservatur politiku.
Waqt id-diskors tiegħu tal-bieraħ il-Ħadd, Bernard Grech irrefera għal dak li għamel il-Prim Ministru meta kiteb lill-Prim Imħallef biex jugża maġistrata talli għadha ma għalqitx l-inkjesta fuq il-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Bernard Grech sejħilha gimmick politiku. Il-Prim Ministru għamel dan għax qal li jinsab imħasseb dwar id-dewmien u t-tul ta’ żmien, skont hu esaġerat, li qed tieħu din il-maġistrata biex tikkonkludi din l-inkjesta. Wieħed irid isemmi li din l-inkjesta ilha diġa’ erba’ xhur li bdiet. Imma wieħed irid jgħid ukoll li din hija inkjesta komplessa ħafna. Ma tridx tkun fil-mistir biex tinduna l-komplessita ta’ din l-inkjesta u l-bżonn li għandha din il-maġistrata biex tiddependi fuq rapporti ta’ numru ta’ esperti qabel ma tgħalaqha. Għalhekk, fuq dan il-punt, Bernard Grech għandu raġun jikkritika lill-Prim Ministru tal-azzjoni li ħa. Il-Prim Ministru qed jieħu din l-azzjoni għaliex ma jridx jagħmel inkjesta pubblika.
Ħafna jaħsbu li l-Prim Ministru għamel sew li kiteb lill-Prim Imħallef jesprimi t-tħassib tiegħu. Imma jekk verament ried ikun onest, il-Prim Ministru kellu jikteb lill-Prim Imħallef mhux dwar din l-inkjesta imma dwar il-ħafna inkjesti li għad hemm miftuħa. Ħa nsemmi waħda biss. Fl-2013, infetħet inkjesta minn maġistrata dwar serq ta’ propjeta’ tal-gvern f’Għajn Dwieli Raħal Ġdid. Din l-inkjesta tinvolvi eks-ministru Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien Jason Azzopardi. Ħadd ma jaf x’sar minnha din l-inkjesta. Naħseb li wara dawn is-snin kollha – hawn mhux qed nitkellmu dwar xhur imma snin – il-poplu għandu dritt ikun jaf jekk din l-inkjesta ġietx konkluża u jekk iva x’kien l-eżistu tagħha. Fuq dawn it-tip ta’ inkjesti jkun iġġustifikat il-Prim Ministru jikteb lill-Prim Imħallef. Żball jagħmel il-politiku li jagħżel fuq liema nkjesta jattakka u fuq liema le. Meta jagħmel hekk juri biss mottiv politiku u xejn aktar.
Mela jekk verament il-Prim Ministru ta’ Malta, u allura bħala kap tal-eżekuttiv, jrid b’kull mod ikun responsabbli u jirrispondi għal dak li n-nies tellgħuh għalih, ma għandux ikun selettiv fuq liema nkjesta jitlob tempestivita’. Is-soċjeta’ ġa hija nkwietata bil-qrati tagħna. L-imħallfin u l-maġistrati ngħataw iż-żieda fil-paga u l-penzjoni ta’ żewġ terzi fuq il-premessa li ser iżidu l-effiċjenza. Imma l-politiku ma jżidx l-effiċjenza billi jattakka xi nkjesta partikolari. Waqt li huwa minnu u ma jistax ikun li maġistrat jew maġistrata tibda inkjesta u ma tispiċċaha qatt, huwa minnu wkoll li hemm inkjesti li ilhom is-snin miftuħa u għadhom ma ngħalqux u ħadd ma jrid jitkellem dwarhom. Fuq kollox, l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għadha miftuħa. Ara fuq din, il-Prim Ministru ma jiktibx lill-Prim Imħallef biex jitolbu jara li tingħalaq. Min-naħa l-oħra, anki jekk kien hemm inkjesta miftuħa dwar il-qtil ta’ Daphne, il-Parlament ma ddejjaqx isejjaħ inkjesta pubblika li spiċċat kienet dik li kienet.
Waqt li fuq id-dewmien tal-inkjesti ma għandux jeħel la l-Prim Ministru u l-anqas il-gvern, xorta naħseb li f’dan il-każ partikolari ta’ Sofia, lanqas għandha teħel il-maġistrata għaliex fin-nofs hemm ħafna esperti involuti. Jekk l-istat verament irid inkjesta kif suppost u mhux waħda mgħaġġla ħalli jitgħattew ix-xtur, għandu jaċċetta li din tista’ tieħu ftit żmien. Għalhekk wieħed jistaqsi x’interess għandu l-Prim Ministru biex iwaħħal u jitfa’ it-tort fuq il-maġistrata għax skont dak li qed ikun irrappurtat, din ma tantx ittajjar nar! Dan ma hu xejn għajr assassinju ta’ karattru. Dan hu dak li jiġri meta persuna fil-ġudikatura taħdem b’umanita’ kif taħdem din il-maġistrata partikolari. Tkun attakkata li ma ttajjarx nar. Infakkar li mhux l-ewwel darba li inkjesta dwar qtil ta’ persuna fuq inċident tax-xogħol ħadet aktar minn erba’ xhur u ħadd ma attakka l-maġistrat/a inkwirenti. Min-naħa tagħhom, l-esperti imqabbda jieħdu l-ħin tagħhom biex jagħmlu r-rapporti meħtieġa.
Mela fuq dan il-punt, il-kap tal-Oppożizzjoni għandu raġun li jargumenta li l-Prim Ministru għamel gimmick meta kiteb ittra lill-Prim Imħallef. Huwa wkoll logħob tat-tfal il-mod ta’ kif aġixxa l-istess Prim Ministru fil-każ tal-maġistrata Marse-Ann Farrugia. Naqbel ma’ min qed jara f’din il-mossa ndħil tal-Prim Ministru fl-indipendenza tal-ġudikatura. Ma hemmx għalfejn ngħidu li l-indipendenza tal-ġudikatura hija mgħassa u salvagwardjata bil-kostituzzjoni. Kieku kienet ittra ġenerika wieħed kien jikkonkludi li l-Prim Ministru qed iwassal l-inkwiet tiegħu fuq dewmien esaġerat. Imma din kienet ittra selettiva meta kif ġa għidt hemm inkjesti oħra li ilhom miftuħa u l-ebda politiku għadu qatt ma kkummenta dwarhom.
Irridu niftakru li ser tkun l-inkjesta maġisterjali li ser twassal biex issir ġustizzja ma’ Jean Paul Sofia. Mela din trid tieħu l-ħin tagħha. Hija l-istess inkjesta li tista’ tikkjarifika fuq min ser jittieħdu passi kriminali. U hawn jinsab il-qofol ta’ kollox. Hija l-inkjesta li tispeċifika min naqas minn dmiru u f’xogħlu. U hawn hawn numru ta’ nies qrib l-istess Prim Ministru. Meta hu fl-interess tal-maġistrata u tal-Prim Ministru li jaraw li kollox isir sew ħalli din l-inkjesta tkun xempju ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet, speċjalment meta fin-nofs hemm il-mewt ta’ persuna.
Fuq kollox, kif ġa argumenta dan is-sit, mhux l-ewwel darba li kellna nkjesti maġisterjali u fl-istess ħin il-pulizija tieħu passi. Din id-darba ma sarx hekk. Allura wieħed jistaqsi, x’qed jistenna l-kummissarju tal-pulizija biex jinvestiga u jieħu passi? Nafu li l-pulizija għandha l-poter li tressaq nies il-qorti independentament mill-inkjesta maġisterjali.
Filwaqt li kif diġa ntqal li l-inkjesta maġisterjali ser twassal għal passi kriminali jekk ikunu meħtieġa, ta’ min isemmi li din l-inkjesta ma teskludix li ssir inkjesta pubblika li tmur oltre mill-każ speċifiku ta’ Jean Paul Sofia. L-inkjesta pubblika tista’ twassal biex l-investigazzjoni tieħu aspett aktar wiesgħa u tkun ta’ sodisfazzjoni għas-soċjeta kollha. Din l-istess inkjesta pubblika tista’ twassal biex il-poplu jnaqqas l-inkwiet profond li għandu għal mod kif ċerti kuntratturi jew żviluppaturi jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu għax ma jista’ għalihom ħadd. Fi kliem ieħor għandhom l-appoġġ politiku.
Huwa ferm importanti li l-inkjesta maġisterjali tingħalaq kemm jista’ jkun malajr, imma aktar mit-tempestivita’, huwa importanti li xogħol isir sew ħalli ssir ġustizzja ma’ Jean Paul Sofia. Imma huwa mportanti wkoll li ssir inkjesta pubblika ħalli twassal biex jittrażżnu n-nuqqasijiet li hemm fil-qasam tal-kostruzzjoni u twassal ukoll għal konklużjonijiet li jistgħu jkunu attwati ħalli jkunu evitati d-disgrazzji li laqtu lil Miriam Pace u lil Jean Paul Sofia.

Marse-Ann Farrugia tieħu l-ħatra ta’ maġistrata.
Naħseb li biex B.Grech irid ikun risponsabbli irrid jikkritika lil Magistratura talli qed idumu biex jagħlqu l inkjesta ta f’Għajn Dwieli Raħal Ġdid jew ghax hemm isem J.Azzopardi ma jiftaħx jalqu? LP
“Imma jekk verament ried ikun onest, il-Prim Ministru kellu jikteb lill-Prim Imħallef mhux dwar din l-inkjesta imma dwar il-ħafna inkjesti li għad hemm miftuħa. Ħa nsemmi waħda biss. Fl-2013, infetħet inkjesta minn maġistrata dwar serq ta’ propjeta’ tal-gvern f’Għajn Dwieli Raħal Ġdid. Din l-inkjesta tinvolvi eks-ministru Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien Jason Azzopardi. Ħadd ma jaf x’sar minnha din l-inkjesta.”