F’Għawdex il-maġġoranza tal-Kunsilliera eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista ma jridux jerġgħu joħorġu għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.
Minn osservatur politiku
Qed nagħmel referenza għal artiklu li deher ilbieraħ fuq dan is-sit taħt it-titlu ta’: “Il-PN qed isib problema biex isib persuni li joħorġu għall-kunsilli lokali: Il-PL mhux qiegħed f’sitwazzjoni feliċi”. Is-sitwazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq dan is-suġġett qed tikkomplika ruħha aktar fuq il-gżira Għawdxija. Mid-dehra s’issa ma tantx sabu kunsilliera Għawdxin li jridu jitfgħu isimhom għall-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla. Meta l-amministrazzjoni tal-partit qed tavviċina lill-istess kunsilliera li ġew eletti biex iservu fuq l-lokalitajiet Għawdxin, dawn l-istess kunsilliera qed jirrifjutaw li jikkommettu ruħhom u ħafna minnhom qed jgħiduha ċara li ma jridux jerġgħu joħorġu.
Nafu li l-Partit Nazzjonalista, permezz tas-segretarju ġenerali tiegħu, ftit tal-ġranet ilu bagħat korrispondenza lill-kunsilliera tal-Kunsilli Lokali li qiegħdin fil-kariga bħalissa biex jikkonfermaw il-ħsieb tagħhom dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fl-elezzjonijiet li ġejjin. Mill-kunsilli lokali li hemm ġewwa Għawdex kienu biss xi għaxra dawk il-kunsillieri li aċċettaw l-istedina tas-segretarju ġenerali u kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom u jitfgħu isimhom biex joħroġ għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li ser isiru f’Mejju.
Din is-sitwazzjoni qed tkun ta’ inkwiet lit-tmexxija tal-Partit speċjalment l-uffiċjali li hemm fil-gżira Għawdxija. 10 mhuwiex numru konvinċenti li jagħmillek kuraġġ għall-elezzjonijiet li ġejjien. Qed toħloq uġigħ ta’ ras qawwija għal min qed jagħmel ħiltu biex isib kandidati prospettivi. Imma mid-dehra hemm raġuni għal dan kollu.
Donnu li l-kunsilliera qed isibu problema li jkomplu jaħdmu mal-amministrazzjoni Għawdxija tal-istess partit. Donnu hemm min qed joħloq il-problemi għall-istess kunsilliera min-naħa tal-amministrazzjoni li qed ipoġġi lill-kandidati prospettivi f’ċertu diffikulta. Is-sitwazzjoni ma hi feliċi xejn u jrid isir xi ħaġa kemm jista’ jkun malajr biex jippruvaw isolvu din il-problema.
Ma tantx hi ta’ nkoraġġiment din is-sitwazzjoni għall-Partit Nazzjonalista li f’Għawdex għandu diversi Kunsilli Lokali taħt it-tmexxija tiegħu. Forsi wasal iż-żmien li anke l-amministrazzjoni Nazzjonalista f’Għawdex tagħmel eżami tal-kuxjenza dwar it-tmexxija tagħha u tibda’ tagħmel spazju għaż-żgħażagħ. Forsi wasal iż-żmien li l-amministrazzjoni tara demm ġdid u jinbiddlu dawk li rabbew l-għeruq fil-politika Nazzjonalista fuq din l-gżira.