Ma rridux inħallu lil dan il-gvern jaljena lill-poplu bl-istejjer ta’ Rosianne Cutajar u Ian Borg mill-iskandlu tal-isptarijiet

Minn osservatur politiku

Dr Stephen Spiteri ġie rapurtat li qal li ma għandna nħallu ebda skandlu jew ħniżrija oħra jaljenaw lill-poplu mill-ġlieda dwar is-serqa tat-tliet sptarijiet. Għalkemm l-ħniżrijiet li ħerġin minn deputati Laburisti jixirqilhom li jingħataw l-importanza tagħhom, ebda wieħed minn dawn ma joqgħod viċin is-serqa kardinali li saret mill-Gvern meta ta’ mal-€400 miljun lill-Vitals/Steward. Din trid tibqa’ tiġi meqjusa bħala serqa kbira u l-ikbar skandlu fost l-iskandli li seħħew f’pajjiżna matul is-snin.

Issa li l-verdett ħareġ, il-kuntratti ġew iddikjarati nulli u l-barranin telqu u raddew lura dak li hu tal-Maltin u l-Għawdxin, nistgħu nqisu l-informazzjoni kollha li teżisti ta’ matul dawn is-snin, li ma fadliliex sensittivita’ kummerċjali. Allura hemm bżonn, illum iżjed minn qatt qabel, li l-poplu kollu jkun jaf eżattament kemm hu l-ammont preċiż ta’ kemm ingħataw flus dawn il-barranin.

Hemm bżonn urġenti li jinkixfu ċ-ċifri kollha, dawk uffiċjali fil-kuntratti u anke fis-side letters, li kienu moħbija fid-dokumenti li kienu tpoġġew fuq il-mejda tal-Parlament ħalli l-poplu kollu jkollu trasparenza assoluta ta’ kif marru l-affarijiet ma’ Vitals/Steward. Ma nistgħux inħallu lil dan il-gvern ibqa’ jaljenana bl-istejjer ta’ Rosianne Cutajar, Ian Borg jew xi deputat mis-serqa straordinarja li seraqna l-Gvern flimkien ma’ Vitals u Steward.

Il-poplu Malti u Għawdxi għadu qed jistenna min ser ikollu l-kuraġġ li jinforma b’kollox. Għad irridu naraw min ser ikun dak il-membru tal-Gvern, li nkunu nistgħu nsejħulu onest, li jpoġġi għad-dispożizzjoni ta’ kullħadd l-ammonti preċiżi li għaddew bejn il-Gvern Malti u Vitals/Steward. Forsi jipprova jitħajjar il-Prim Ministru li jiftaħ fommu kollu għal kjarezza f’din is-serqa li ma bdietx fi żmienu imma li kompla isaħħaha permezz tal-voti tiegħu u ta’ sħabu fil-Parlament. Tgħid ser ikun il-Viċi Prim Ministru li hu ukoll il-Ministru tas-Saħħa li jitħajjar jissaffa minn din il-kwistjoni kollha? Forsi ser ikun il-Ministru tal-Finanzi li ta’ l-possibilita lil sħabu biex jiġu mħallsa dawn il-miljuni sena wara sena?

Xi ħadd irid jispjega jekk din is-serqa ta’ miljuni ta’ euro kienetx qed tkopri biss il-kiri ta’ sodod suppost speċjalizzati li kellu jikri l-Gvern minn idejn Steward. Dan forsi huwa obligu ta’ Chris Fearne li ma jistax jibqa’ jaħrab mir-responsabilita’ li għandu fuqu f’dan id-deal oxxen. Forsi xi ħadd irid jispjega dwar kif il-Gvern Laburista, li kien jaf u konxju sew ta’ din il-frawdolenza mill-bidu tagħha, ħema kollox minn wara dahar il-poplu kollu u għamel ħiltu kollha biex ħadd ma jinduna jew jintebaħ b’xejn.

Fil-verita’ għandna sitwazzjoni fejn dawk il-miljuni kollha misruqin setgħu ġew investiti biex jinbena l-isptar ta’ Għawdex, jiġi modernizzat Karen Grech u jsiru r-ristritturazzjonijiet neċessarji fl-isptar San Luqa. Imma minn dan kollu ma sar xejn u ħadna biss serqa fenominali li għad trid tibqa’ tissemma fl-istorja ta’ pajjiżna. Dan ngħiduh għaliex is-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin daħħluha f’kompromessi mhux xierqa u ħallew mijiet ta’ euro imorru min jaf fejn u ma ġewx investiti kif mistenni fis-servizzi tas-saħħa tagħna.

Għalhekk irridu noqgħodu attenti li ma nħallu ebda inkonvenjent, xi skandlu jew xi korruzzjoni tbiegħdna mill-attenzjoni kollha tagħna fuq din is-serqa, li nistgħu nqisuha bħala l-aktar serqa oxxena li saret minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *