L-establishment politiku u l-media magħquda flimkien biex ikissru l-liberta’ tal-espressjoni

Minn Edwin Vassallo

Il-media indipendenti flimkien mal-Labour u n-Nazzjonalisti verament jagħmlu l-establishment politiku ġewwa pajjiżna dak li hu: establishment politiku li qiegħed jeqred ir-rule of law. Dan hu establishment politiku li qiegħed joħloq diskriminazzjoni bl-iskuża li jiġġieled id-diskriminazzjoni. Dan huwa establishment politiku fejn il-politiċi fil-Parlament flimkien ma’ din ‘l hekk imsejħa media indipendenti qed jaqblu fuq il-liġi maħsuba li titfa’ l-ħabs u twaħħal multa lil min jitkellem dwar il- conversion therapy. Fi kliem ieħor, din hija liġi kontra min jixhed dak li jemmen fih in-Nisrani. F’dan il-pajjiż għandna politiċi Nsara jaqblu li japprovaw liġi li trid issikket lil min l-istess kostituzzjoni tiddefendilu id-dritt tal-espressjoni ħielsa. Din hija liġi li tkisser id-dritt fundamentali li wieħed jixhed għal dak li jemmen fih.

Għadni ma nistax nifhem kif dak l-artiklu fil-Kostituzzjoni ta’ Malta li jistqarr li r-Reliġjon Kattolika hija r-reliġjon uffiċjali ta’ pajjiżna għadu ma hux emendat. Għaliex illum għal dan l-establishment politiku, ir-reliġjon uffiċjali hija issa l-ideoloġija tal-ġeneru. Kemm huwa sewwa u meħtieġ li f’pajjiżna ngħallmu lit-tfal taghħa l-valur tal-ugwaljanza. Kemm hu aktar meħtieġ li ngħallmuhom li l-valur tal-ugwaljanza jfisser rispett lejn id-diversita’ u mhux l-eliminazzjoni jew il-kanċellazzjoni ta’ min ma jaqbilx miegħek.

F’din il-liġi, li l-media indipendenti u għalhekk jien ngħid l-establishment politiku jifraħ tant biha hija liġi maħsuba biex tagħlaq ħalq lil min jitkellem u jixhed kif u għaliex minn gay etc biddel l-orjentazzjoni sesswali tiegħu għall-persuna jew il-ġeneru li kellu oriġinarjament. Din hija liġi li l-establishment politiku f’pajjiżna ma għandux biex jifraħ biha. L-artikli ta’ din il-liġi qegħdin joħonqu l-liberta’ tal-espressjoni.
Qum poplu mir-raqda u ifhem li mhux kull ma jleqq huwa deheb.

Qum poplu u ifhem li għandek politiċi li qed jużawk biex filwaqt li jaħkmu fuqek huma jieklu b’għaxar t’iħluq u min mhux jiekol illum irid jiekol għada.

Qum poplu, anke intom tal-LGBTIQ+ u iftħu għajnejkom u araw kif qed tiġu użati.
Qum poplu u tibqax indifferent għal dan l-attakk fuq il-valuri tiegħek li sawruk bħala poplu u llum qed jiġu fix-xejn minn min jiftaħar li jemmen fir-rule of law, demokrazija u liberta’.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *