Where your opinion counts

Il-kwistjoni tal-infermira u l-qwiebel

Minn Osservatur Politiku

Imma possibbli ser inħallu lill-infermieri u l-qwiebel jitkarrbu għal dak li jista’ jiġi offrut lilhom. Possibbli ser inħallu lill-union tagħhom isaħħu d-direttivi biex forsi ‘l quddiem il-Gvern javviċinhom. Possibbli ser nitraskuraw lil dawn in-nies li tant ċapċapnilhom u faħħarnihom għal dak kollu li wettqu matul is-snin tal-pandemija.

Il-union tal-infermiera u l-qwiebel ħarrxet id-direttivi tagħha għax ma ħadet ebda tweġiba minn għand il-Gvern għat-talbiet tagħha għall-ftehim settorjali. Miniex ser nidħol hawn fid-dettalji tad-direttivi li qed ikunu kkritikati minn ħafna għal raġunijiet differenti, imma ser inżomm fuq l-att politiku ta’ dan it-twebbis tar-ras min-naħa tal-Gvern. Nesa dan il-Gvern kemm faħħarhom u żiegħel bihom meta kienu marsusin ħafna fix-xogħol tagħhom. Nesa kemm xtaq li jirringrazzjhom anke finanzjarjament għas-sogru li huma kienu għaddejjin minnu.

Il-President tal-Union qal li wara għaxar t’ijiem minn meta bdew id-direttivi l-Gvern għadu ma għamilx kuntatt magħhom. Niftakru li meta dawn kienu ser jibdew bl-azzjonjiet tagħhom, il-Gvern kien wera atteġġjament li ser jipprova jiddiskuti. Imma dan sfaxxa u għalhekk kellhom jibdew bl-azzjonjiet. Wara li għaddew numru ta’ jiem u l-Gvern baqa’ ma rrisponda xejn, l-unions ma kellhomx soluzzjoni oħra ħlief li jħarrxu l-azzjonijiet tagħhom.

Imma kif jista’ jkun li l-Gvern ma jsibx ħin jiddiskuti biex forsi tinstab soluzzjoni għal dan kollu. Ma nistgħux nilgħabu mas-saħħa tal-poplu. Kull azzjoni li tittieħed mill-infemiera u l-qwiebel taffetwa s-servizz li tant għandu bżonn il-poplu kollu. Kull deċiżjoni li jieħdu dawn il-ħaddiema jkollha effett dirett fuq is-saħħa tan-nies. Ma nistgħux ngħaddu mingħajr dan is-servizz tant importanti. U lanqas għandna ngħaddu b’servizz limitat minħabba n-nuqqas ta’ impenn min-naħa tal-Gvern.

Is-servizz tas-saħħa jiddependi fuq dawn in-nies. Is-servizz jagħtuh l-infermier. Is-servizz jagħmluh il-qwiebel. Huma dawn li jaħdmu mal-marid. Kif jista’ l-Gvern jinsa lil dawn in-nies u lanqas biss jagħti reazzjoni għat-talbiet tagħhom. Għadhom kif żdiedu l-azzjonijiet għax il-Gvern ma rrejaġixxix. X’qed jistenna li jerġgħu jiżdiedu?

Issa l-azzjonijiet żdiedu fl-isptarijiet mingħajr ma ntmiss Mater Dei. X’qed nissograw li jiżdiedu wkoll anke hemm? Mhux biżżejjed li l-isptar Mater Dei huwa mġebbed waħda sew? Mhux biżżejjed li hemm ħafna nies fil-kuruturi u nies li mhux qiegħdin fil-wards kif suppost? X’qed jistenna l-Gvern li tkompli teħżien is-sitwazzjoni?

Ikun jaqbel għal kullħadd jekk il-Gvern ipoġġi bil-qiegħda madwar mejda mar-rappreżentanti tal-infermieri u l-qwiebel u tinstab soluzzjoni għall-ġid tas-servizzi fl-isptarijiet ta’ pajjiżna. Li dawn il-ħaddiema jkunu kuntenti jfisser li s-servizz ikompli jingħata mingħajr ebda sinjal ta’ xi skossi. Ikun jaqbel għalihom u għall-pazjenti kollha li jkollhom jirrikorru fl-isptarijiet tagħna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *