Kull survey li sar wera tliet affarijiet: il-PL naqqas, il-PN baqa’ fejn kien u non-voters żdiedu: x’inhi it-triq ‘il quddiem?
Minn osservatur politiku
Is-surveys kollha li rajna f’dawn l-aħħar ġimgħat kollha kellhom xejra waħda. Kollha urew li numru kbir mill-elettorat mhux lest li jivvota lil ħadd. Fil-fatt l-indikazzjonijiet jidhru li wieħed minn kull erbgħa mhux beħsiebhom jivvutaw fl-elezzjonijiet li ġejjin. Għalina f’Malta dawn huma numri tant għolja li hawn ħafna mhux qed jemmnuhom.
Xi ħaġa oħra li qed toħroġ ċara minn kull survey li sar huwa dak li l-Partit Laburista naqqas mill-voti, il-PN mhux qed javvanza u li dawk li mhux ser jivvutaw żdiedu.
Mela ejja nibdew mill-ewwel punt. Dawk li dejjem ivvutaw lill-Partit Laburista issa naqsu. Issa hemm nies li ddejqu mill-partit tagħhom stess, imma mhux beħsiebhom jaqilbu l-vot fuq il-Partit Nazzjonalista. B’hekk kull survey wera li l-PN ma avvanzax u l-vot ta’ dawk li mhux ser jivvutaw żdied. Fi kliem ieħor hemm ħafna votanti li mhux lesti jpaxxu lill-partit fl-oppożizzjoni.
Il-mistoqsija tiġi waħedha. Kif jista’ jkun li għalkemm għaddejjin ħafna skandli, il-ġenn li għandna fil-pajjiż, l-iskandlu tal-isptarijiet, it-tħanżir ta’ kullħadd, dawk li qed jabbandunaw lill-partit tagħhom mhux ser jirrikorru għand il-Partit Nazzjonalista? X’hemm ħażin fl-Oppożizzjoni li mhux qed tattira votanti ġodda?
Il-poplu għandu bżonn jibda joħlom affarijiet sbieħ u tajbin għalih u għal pajjiżu. Imma l-Partit Nazzjonalista ma hu qed joffri xejn ġdid. La hemm pjan, la hemm viżjoni u lanqas hemm leħen wieħed mill-grupp parlamentari u s-sostenituri tal-partit. Qed jaħlu ħafna ħin jikkritikaw il-ħmerijiet li qed jagħmlu l-grupp fil-Gvern, jintilfu fuq dawn il-pettekolezzi u jekk persuna mmasturbax jew le, u ma jikkonċentrawx fuq dawk il-ħsibijiet li jridu jisimgħu l-votanti biex forsi jaslu biex jinġibdu lura lejn il-Partit Nazzjonalista.
Min qed imexxi l-Partit Nazzjonalista ma jista’ qatt jinsa li fl-2017 ikkonċentraw l-attakki tagħhom fuq il-korruzzjoni u ma waslu mkien. Mela dik kienet tagħlima li nispera li ħadu li bil-korruzzjoni biss mhux ser jiġbdu votanti lejhom. Misshom jafu li l-poplu ma tantx jagħti importanza lill-korruzzjoni għax iqisu importanti dak li jdaħħlu fil-but huma u mhux l-ammonti li qed jinsterqu. Wieħed jistaqsi, kemm huma dawk li huma mpressjonati li Rosianne Cutajar iddubbat xogħol part-time ieħor? Kemm minnhom lesti li ma jivvutawx lill-Partit Laburista minħabba f’hekk?
Bernard Grech u sħabu kellhom bżonn jikkonċentraw il-ħeġġa tagħhom fuq pjan maħsub, fuq viżjoni bis-sens għall-pajjiż. B’hekk biss jistgħu jiġbdu l-elettorat lejhom. Jekk ser jibqgħu jibbażaw l-attakki tagħhom fuq affarijiet li ftit li xejn jinteressaw lill-poplu allura ser jibqgħu jilludu ruħhom u ma jaslu mkien. Ma jistax ikun li jaħlu l-isforzi tagħhom fuq attakki kontinwi fuq il-ħmieġ li għaddej fil-grupp parlamentari Laburista u sħabhom. Mhux qed ngħid li ma jagħtux kashom, imma magħhom irid ikun hemm il-pjan u l-affermazzjoni ta’ kif ser tagħmel aħjar.
Jekk irid jiġbed l-elettorat lejh, il-Partit Nazzjonalista ma jistax jibqa’ jħaddan politika fotokopja ta’ dak li qed joffri l-Gvern tal-ġurnata u jipproġetta lilu nnifsu bħala aqwa minn ħaddieħor. Dan il-partit irid jaħdem kemm jiflaħ biex jwassal il-ħolm tan-nies. Irid jagħti stampa ta’ kif ser imexxi jekk il-poplu jagħtih il-mandat. Irid jgħid kif il-pajjiż ser joħroġ minn din l-arja maħmuġa li għaddejja fuq pajjiżna. Irid jispjega x’azzjoni ser jieħu biex isaħħaħ l-ekonomija fil-pajjiż. Irid ifiehem kif il-poplu ser ikun aħjar jekk jieħdu t-tmexxija tal-pajjiż.
Donnu hemm fissazzjoni biex jinkixef il-ħmieġ kollu li għaddej fil-pajjiż bħalissa. Imma b’dan kollu mhux ser jikkonvinċu nies biżżejjed biex jaqilbu l-miżien. Iridu jippriedkaw it-triq il-quddiem b’tali mod li tkun apprezzata mill-poplu u hekk l-elettorat iħaddan miegħu dak li mixtieq minnu. U dan iridu jagħmluh billi l-ewwel jindmu u jsiru umli man-nies.