Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ tagħti ħasla lill-politiċi – mingħajr distinzjoni ta’ partiti,

Minn osservatur politiku

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb ma tantx qagħdet togħmodha meta qalet li tinsab diżappuntata ħafna bil-klassi politika kurrenti. Hija qalet li l-politiċi tal-lum ma tistax tipparagunhom ma’ dawk ta’ tletin sena ilu, meta kont tħares lejhom b’ħafna rispett.

Xuereb qalet li jista’ jkun li resqin lejn kriżi fil-klassi politika tal-lum. Jekk il-partiti politiċi ma jaqdux dmirhom b’ċertu serjeta ser jirreduċu lilhom infushom irrelevanti. Hi stqarret li qed issib diffikulta biex taħdem ma’ politiċi li ma fehmux li biex tkun membru tal-għola istituzzjoni tal-pajjiż trid timxi b’etika kemm fil-ħajja pubblika kif ukoll fil-ħajja privata. Fil-fatt Xuereb qalet li ma setgħux jippubblikaw rapport li fih proposti biex il-parlament ikun iċken u li l-parlamentari jkollhom paga aħjar.

Qalet li l-Kamra tal-Kummerċ żammet lura li tagħmel dawn il-proposti minħabba l-mod li bih mixjin il-parlamentari Maltin u Għawdxin. Meta tirrifletti fuq l-opinjonijiet li ħerġin fuq ċerti parlamentari ta’ kif qed ikunu kkompensati u ta’ kif qed jaġixxu tagħmilha diffiċli biex titkellem favur il-parlamentari. Ċerti parlamentari mhux qed jimxu fil-ħajja pubblika bħal ma jimxu fil-ħajja privata u dan id-dell qed jirrifletti fuq il-komunita’ politika kollha tant li r-riperkussjonijiet huma kbar u qed titherra il-klassi politika kollha.

Xuereb tħoss li bħalissa fil-politika hemm attitudni ta’ pass ‘l quddiem u tnejn lura. Xuereb qed tibża’ li ser tidħol l-għejja f’dawk il-politiċi li jixtiequ jaħdmu ħafna iżjed biex jippruvaw inaddfu lill-pajjiżna. Dan minħabba l-attitudni ta’ oħrajn li ma humiex qed jagħtu każ għall-ħsara li qed jagħmlu lill-politiċi sħabhom. Hija għamlet referenza għal dawk il-ftit li qed joħonqu lill-sħabhom. Hemm dawk il-ftit li qed ikunu fl-aħbarijiet għar-raġunijiet il-ħżiena. Imma għamlitha ċara li bħala Kamra tal-Kummerċ mhux ser jaqtgħu qalbhom minn pajjiżna.

Dan għaliex għal dawk li qed ikunu fl-aħbarijiet għal raġunijiet ħżiena hemm oħrajn li qed jaħdmu kemm jifilħu u qed jagħmlu xogħol siewi. Hija sitwazzjoni kritika f’dawn iż-żminijiet u huwa mportanti għal Kamra tal-Kummerċ li tibqa’ titkellem f’isem dawk li jħaddmu l-business tagħhom b’mod etiku. Il-Kamra ser tkompli taħdem biex tmewwet l-effetti ħżiena li qed iħallu xi nies u ser tkompli tistinka biex issaħħaħ ir-reputazzjoni tajba tal-ħafna.

Fil-fatt Xuereb temmen li l-biċċa l-kbira tal-persuni fil-business jaqilgħu l-għixien tagħhom b’mod leġittimu imma hemm oħrajn, li huma ftit, li qed jabbużaw mill-konnessjonijiet tagħhom mal-politiċi. Hija sostniet li hemm bżonn li tintgħamel distinzjoni bejn iż-żewġ gruppi għax meta tiċċappas ma jibqax iżjed business imma jsir att kriminali.

Imma huwa wkoll id-dmir tal-kamra tal-kummerċ li tibda titkellem ċar u ssemmi lil dawk il-businessmen li qed jabbużaw mill-konnessjonijiet li għandhom mal-politiċi.

One thought on “Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ tagħti ħasla lill-politiċi – mingħajr distinzjoni ta’ partiti,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *