Wara li s-sena l-oħra, il-Prim Ministru ma żarx il-każin Laburista tal-Birgu fil-festa tal-Ħelsien, din is-sena ddeċida li jagħmlilhom żjara.
Minn Edwin Vassallo
Illum il-ħelsien qed ikun użat mill-Partit Laburista biex jiġbor ftit ġieħu mal-Laburisti. Illum Dom Mintoff qed ikun użat mill-Partit Laburista bħal ma’ Eddie Fenech Adami qed ikun użat mill-PN. Dawn huma żewġ ikoni tal-politika Maltija li qed iservu ta’ salvauomo kull darba li l-Partit Laburista jew il-Partit Nazzjonalista jkunu fi kriżi ta’ identita’.
Dan hu argument li għamilt ħafna drabi. Meta mill-politika Maltija warrabna l-ideoloġiji, il-partiti politiċu warrbu l-valuri tagħhom u rebħu l-flus. Illum Alla tagħna huwa alla tal-flus. Alla li kienu jħobbu u jitolbu lilu missirijietna spiċċa f’house arrest fil-knejjes tagħna. Alla ta’ missirijietna ġie ridott għall-immaġini ta’ kultura, iżda għal uħud qed jinżamm ħafna l-bogħod mir-raġunar tal-ħajja. Dan kollu għaliex kollox sar flus. Fl-istess waqt il-flus u l-bniedem spiċċaw ma jiswew xejn.
F’din ir-realta’, bir-raġun kollu ngħid li f’pajjiżna għandna establishment politiku wieħed. Spiċċajna taħt partit wieħed għaliex iż-żewġ partiti spiċċaw ma jingħarfux minn xulxin. Meta dawn il-partiti politiċi jibdew jħossu li qed jitwarrbu min-nies – kif qed jiġri, jibda’ mbagħad il-paniku.
Fil-Lejber ġa jinħass. Jekk xejn, l-attivita’ tal-30 ta’ Marzu ta’ din is-sena fil-Birgu kienet xhieda ta’ dan, Is-sena l-oħra, il-Prim Ministru u kap tal-Partit Laburista, Robert Abela evita’ li jidħol fil-każin tal-Lejber tal-Birgu, wara iċ-ċerimonja li saret fuq l-għolja tal-Ħelsien. Kemm għadda minn quddiem il-każin u xejjer. Kien hemm rabja kbira fil-kumitat peress li normalment din l-attivita’ tkun akkumpanjata minn bibita żgħira fil-każin. Din is-sena għamel mod ieħor. Jidher li t-tgergir qed jinħass. Din is-sena ma għaddiex biss minn quddiem il-każin Laburista u baqa’ sejjer, imma kien żgur li jidħol ġewwa u tkellem man-nies. Imma xorta l-messaġġ mhux qed jasal. Ikun f’dan l-istadju li l-politiċi jibdew jirrikorru għall-ikoni tal-politika tal-passat.
Il-PN ilu f’paniku u ilu jirrikorri għall-immaġni ta’ Eddie Fenech Adami. Il-PL issa qed jirrikorri għal dawk ta’ Mintoff – fi kliem ieħor għal-laburisti ġenwieni li dejjem kienu wara l-partit fit-tajjeb u l-ħażin u li kienu twarrbu.
Anki l-knisja f’Malta qed jiġrilha l-istess. Imma f’dan il-każ, minflok tirrikorri għall-figuri tal-imgħoddi, qed tirrikorri għar-riti u ritwali li konna nsejnihom. Iżda l-importanti mhux ir-riti tal-imgħoddi jew il-films tal-meetings tal-passat, imma kemm il-mexxejja politiċi jew reliġjużi huma verament qrib in-nies u għandhom f’idejhom il-polz tan-nies.
Kemm il-knisja u anki l-partiti politiċi jridu jkunu konsistenti mal-valuri li twaqqfu għalihom. Il-bqija l- ebda partit politiku jew l-ebda istituzzjoni li ma tkunx konsistenti mal-valuri originali li ġiet maħluqa għalihom ma tistax tgħix. Huma dawn il-valuri li kull partit jew istituzzjoni li ġiet maħluqa għalihom li jixpruna lil dak il-partit jew lill-Knisja ‘l quddiem.
Dan hu pajjiż fejn il-politika żvalutat il-valuri umani u għalhekk ġiet żvalutata wkoll il-figura tal-bniedem Mintoff u Eddie spiċċaw jintużaw mill-PL u l-PN rispettivament biex forsi jibqgħu jingħarfu bħala żewġ partiti tan-nies, imma fil-verita’ t-tnejn li huma spiċċaw prodott ta’ politika riċiklata. Il-ġejjieni ma jidher xejn sabiħ. Kif jgħidu bl-Ingliż, “it can only get worse“.
Meta l-affarijiet imorru aktar għall-ħażin ikun ifisser li ż-żgħir ser ikompli jitwarrab. Ħasra li wassalna sa hawn. Imma issa n-nies qed titkellem. Kellna raġel li tella’ video u li mar viral fejn spiċċa jgħid lil-Laburisti biex jieqfu jużaw lil Mintoff meta l-aktar ħaġa li kienet għall-qalb Mintoff, in-newtralita’, ma għadhiex rispettata f’dan fil-politika ta’ dan il-gvern. Fi kliem ieħor, kien l-istess partit ta’ Mintoff li għamilha trietaq.
Dan il-bniedem mill-Partit Laburista ma hux leħen jgħajjat fid-deżert. L-għajta tiegħu ta’ issa “qed niddardar” hija l-għajta ta’ ħafna f’Malta. Din hija l-għajta ta’ ħafna Nazzjonalisti u Laburisti lejn il-partiti rispettivi tagħhom. Dan hu leħen li qed jgħiduh mal-mitt elf persuna li f’pajjiżna għażlu li jgħidu, għar-raġunjiet differenti, li ma humiex ser jivvutawx. Tal-biża’ li quddiem il-kilba għall-flus, il-valuri qed ikunu miċħuda. Il-konsistenza tispiċċa milgħuba. Il-koerenza tispiċċa midfuna. Dan hu l-istat ta’ pajjiż li qegħdin ngħixu fih illum.

Dgergir mil laburisti genwini u laktar il 5 distrett, tal misthijja, pero np issa nibdew pta lewropa no vote.