Keith Schembri baqa’ b’ħalqu magħluq f’din is-saga kollha tal-isptarijiet: ir-Repubblichini rnexxielhom għal darba oħra jwarrbu l-attenzjoni minn fuqu.

Minn osservatur politiku

Fis-saga tal-VGH żgur li ma jistgħux jibqgħu barra Joseph Muscat u Keith Schembri. Dawn it-tnejn kienu protagonisti kbar f’din l-istorja, flimkien ma’ Konrad Mizzi. Muscat huwa l-persuna li sar kollox taħt it-tmexxija tiegħu u Schembri kien prim attur f’dan kollu għaliex ħafna mid-diskussjonijiet ta’ proġetti kbar kienu jsiru miegħu.

Imma Keith Schembri għażel li jibqa’ silenżjuż wara li ħareġ dan kollu. Huwa ma lissinx kelma għalkemm issemma fis-sentenza tal-Imħallef Depasquale. Irridu niftakru li Keith Schembri ma kienx xi wieħed li jieħu ħsieb l-ingaġġ tan-nies fl-uffiċċju tal-Prim Ministru imma kien prattikament dak il-bniedem li jiddiskuti, jinnegozja u jitkellem f’isem il-Prim Ministru f’taħdidiet importanti.

Hu ma kienx uffiċjal pubbliku imma min ħadmu miegħu kien elett min-nies biex jirrappreżentah u allura Schembri kien jista’ jiġi konsidrat bħala xi ħadd li qed jirrappreżenta lill-poplu. Schembri kien bniedem fl-uffiċċju tal-Prim Ministru li kien imdaħħal sewwa f’kull proġett kbir li daħal għalih il-Partit Laburista meta kien fil-Gvern.

U kif tista’ tħalli barra lil Joseph Muscat minn din is-saga kollha tal-isptarijiet? Dan ammetta li dawn il-kuntratti kienu żball u kien investiment li żgur ma rnexxiex. Is-saga tal-VGH uriet li ma kienx hemm attenzjoni xierqa ta’ kif jintefqu flus il-poplu. Dawn kienu kuntratti oxxeni ffirmati f’isem Joseph Muscat li telfu miljuni kbar li marru ġo ħofra u mhux faċli li dawn il-flus jiġu lura.

Joseph Muscat kien il-prim attur f’din is-serqa legalizzata. Il-VGH ġew mogħtija assi pubbliċi bil-barka ta’ Joseph Muscat u sħabu. L-eks-Prim Ministru suppost kien qiegħed hemm biex jara li l-assi tal-poplu jitmexxew bl-aħjar mod u mhux jiġu mogħtija lil xi ħadd bla esperjenza ta’ xejn. Joseph Muscat ser jibqa’ jiġi mfakkar bħala promotur prinċipali f’din il-ħadma li swiet lill-poplu Malti u Għawdxi miljuni kbar. U Joseph Muscat ser jibqa’ mfakkar li tellef lill-Maltin u l-Għawdxin snin twal ta’ nuqqas ta’ investiment fis-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna.

Nisperaw li kulħadd jitgħallem minn din l-oxxenita’ li ffirma għaliha Joseph Muscat. Nisperaw li ebda Gvern ieħor ma jikkommetti dawn it-tip ta’ żbalji kbar. Nisperaw li kull min imexxi jagħraf li l-assi tal-poplu mhux għalkemm taqbad u teħles minnhom għall-ewwel wieħed li jiġi joffri li jinvesti.

Għadu mhux biżżejjed li Joseph Muscat jitkellem ftit. Għadu mhux biżżejjed li Keith Schembri ma jiftaħx ħalqu. Dawn it-tnejn iridu jispjegaw għemilhom u jersqu quddiem l-awtoritajiet biex jippruvaw inaddfu isimhom jekk verament jemmnu li ma għamlu xejn ħażin. Malta hija tal-Maltin u mhux ta’ ftit mingħalihom investituri li jippruvaw jisirqu dak li hu tal-poplu. Hemm ħafna risposti x’jingħataw u s-silenzju jrid bil-fors jinkiser biex nirrejalizzaw il-ħadma li saret mill-poplu Malti u Għawdxi.

Imma biex jintesa kollox, kellna r-Repubblichini u l-media li normalment tappoġġja lill-gvern tingħaqad mal-media li hija kontra Adrian Delia biex tagħtina narrattiva ta’ pettegolezzi, li tgħid x’tgħid din l-istess media, ma jirriflettux trading in influence kif qed targumenta din l-istess media. Sadanittant, grazzi għal din in-narrattiva, Keith Schembri reġa’ rnexxielu jwarrab l-attenzjoni tal-poplu Malti minn fuqu.

One thought on “Keith Schembri baqa’ b’ħalqu magħluq f’din is-saga kollha tal-isptarijiet: ir-Repubblichini rnexxielhom għal darba oħra jwarrbu l-attenzjoni minn fuqu.

  1. L’attenzione zgur li mhix se t’intenda fuq nies bhal Gonzi, RCC,Austin Gatt, Claudio Grech, BFA u dak kollha li thansru ghal 25 Sena

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *