Robert Abela jieħu għalih għaliex Sammy Meilaq qallu s-sewwa; huwa ma għadux Soċjalista imma sar kapitalist kbir.
Minn Edwin Vassallo
Jekk wieħed irid prova li dan il-gvern ma għadux Xellugi, wieħed isibha f’dak li ġara ftit ilu. Sammy Meilaq – li għal min hu tal-eta’ tiegħi – ma għandu bżonn ta’ l-ebda introduzzjoni – indirizza attivita’ organizzata minn Leħen ix-Xellug. Dak li din l-attivita’ wriet li dan il-gvern sar wieħed kapitalistiku waqt li leħen ix-xellug sar moviment ta’ ftit nies. Dawn huma l-aħħar fdalijiet minn dak li darba kien s-Soċjaliżmu ġewwa pajjiżna. Jekk xejn din hija prova li s-Soċjaliżmu jew il-Mintoffjaniżmu f’Malta miet.

Illum dan il-gvern tal-Labour sar kapitalist aktar mill-kapitalisti. Bil-provi, f’isem il-kapitaliżmu, qiegħed ibiegħ kollox. Biegħ in-newtralita’ ta’ pajjiżna, prinċipju li fuqu kien hemm anki qbil mill-Partit Nazzjonalista.
Bil-provi, issa qed ibiegħ dak li fadal. X’baqgħalu xi jbiegħ minn dan il pajjiż? Għaliex għandna dan it-tip ta’ bejgħ? Għaliex minn fuq dawn it-tip ta’ bejgħ a skapitu tal-poplu Malti qed isiru l-flus. Bħal ma’ diġa’ ktibt dwar il-bejgħ tal-art fil-Mellieħa, minn fuqha nies privati għamlu profitti ta’ miljuni. Biċċa art kbira tajba biex tibqa’ isservi bħala pulmun għall-kommunita’ tal-Mellieħa jew almenu intużat għal social housing ingħatat bi ftit flus – miljuni ħafna inqas milli tiswa – lill-grupp ta’ spekulaturi qrib ta’ dan il-gvern.
Dan hu gvern li bil-provi qed imexxi politika kapitalista tal-agħar tip. Dan hu gvern li qed ibiegħ dak li hu bi dritt tal-poplu kollu lill-erbgħa tal-qalba. Min jiddefendi dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet, żgur li għandu kriżi ta’ identita’.
Minħabba din il-kritika minn Sammy Meilaq, Robert Abela ħareġ jiddefendi lilu nnifsu u jgħid li hu Soċjalista’. Imma fil-verita’, dak li missu qal huwa “Jien kapitalista u kapitalista kbir”. Ara ma jkunx hawn min jaħseb li fil-Labour tal-lum baqa’ xi ħjiel ta’ Soċjaliżmu ta’ żmien Mintoff. Illum il-Labour hu maħkum mill-ħsieb neo-liberali. Dan in-neo-liberaliżmu ma hu xejn ħlief ideoloġija li qed iġġib fix-xejn id-dinijita umana. Id-daħqa hija li dawn l-għaqdiet tax-Xellug li qed jiġġieldu l-ideoloġija liberali ta’ dan il-gvern, huma l-istess għaqdiet li spiċċaw iħaddnu l-istess prinċipji ta’ din il-politika neo-liberali u b’hekk qed tispiċċa toqtolhom.

Dan għaliex in-neo liberaliżmu jirkeb fuq l-individwaliżmu u l-egoiżmu tal-persuna. In-neo-liberaliżmu jagħmel minn kollox biex iġib fix-xejn il-valur tal-kommunita’ u tal-familja u għalhekk lil individwu jaraw kif idgħajfulu l-istatus soċjali tiegħu biex is-sistema politika tal-istat tibqa’ dominati għal kollox fuq l-individwaliżmu tal-persuna. Dawn l-istess għaqdiet li qed jikkritikaw lill-gvern fuq l-għoti tal-assi tal-gvern lill-kapitalisti, jaraw kif jitfgħu l-enerġija tagħhom fuq il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-ideoloġija tal-ġeneru, mingħajr ma jindunaw li din l-ideoloġija qed tiżnatura għal kollox l-identita’ tal-persuna umana, kif qed tagħmel il-politika ekonomika neo-liberali ta’ dan il-gvern li qed jiġġieldu kontra tagħha.
Il-ħasra hija li din l-ideoloġija tal-ġeneru, bħal ħsieb liberali fl-ekonomija, qed tgerfex għal kollox il-qofol tas-soċjeta’ li hija l-familja. Bħal ma ġara f’pajjiżna, l-istat jipprova jikkonvinċi liż-żgħażagħ billi jgħidilhom li huma jistgħu jagħmlu li jridu b’ġisimhom. Fil-proċess, dawn l-ideoloġiji qed ikissru lil min iħaddanhom. Ħasra li l-partiti politiċi bħal PN minħabba l-għatx għall-poter bdew jaddottaw din il-politika u jagħmlu alleanzi ma’ dawn it-tip ta’ għaqdiet li jmexxu din l-ideoloġija. Ħasra li l-media tal-knisja qed tispiċċa l-leħen ta’ dawn l-għaqdiet li jridu jiddikristjanizzaw lill-pajjiżna u jdaħħlu l-abort u t-teoriji tal-ġeneru f’Malta. Ħasra li l-media tal-knisja, bħal Partit Nazzjonalista llum, hija favur dan it-tip ta’ neo-liberaliżmu u tippromovih, mingħajr ma tinduna li qed tkisser lill-istess knisja. Donnu li għal ħafna politiċi popolisti, il-liberaliżmu spiċċa l-“joker”, f’din il-logħba poker li qed tintlagħab biex wieħed jirbaħ fil-politika. Jien nemmem li fil-pajjiż jeħtieġ politiċi ġenwini li jħaddnu l-valuri ġenwini fejn il-partiti politiċi tagħhom kienu organizzati biex jibqgħu leali lejn l-ideali li għalihom twaqqfu.
Jien irrid Partit Laburista li jibqa’ jħaddan il-valuri ta’ partit tal-ħaddiema li kien maħluq għalih minn ħassieba nsara, bħal ma kien iz-ziju tal-kardinal Prospero Grech. Jien irrid Partit Nazzjonalista jservi l-valuri umani li kien maħluq għalihom mill-qassis umli u difensur taż-żgħir u l-batut, Monsinjur Ignazio Panzavecchia.
Din fil-fehma tiegħi hija responsabilita’ ta’ kull partit politiku. Għalhekk nemmen li fil-politika ħadd ma hu akbar mill-valuri u l-prinċipju li għalih ikun inħoloq il-partit tiegħu. Kif tneħħi l-valuri u l-prinċipji li għalih partit inħoloq, jibqa’ biss ir-regħba għall-flus u meta jispiċċaw il-flus, bħal fl-istorja tal-iben il-ħali, kull ma jibqa’ huwa li wieħed jirgħa l-qżieqeż u jiekol mill-ikel tal-qżieqeż. (Luqa 15:15) Jekk inħarsu lejn pajjiżna nistgħu naraw fejn wasalna minħabba din ir-regħba għall-flus imma anki fejn ser toħodna. Din il-parabbola bibblika ġa tatna t-tweġiba.