Il-parrinijiet fil-magħmudijiet

Irċevejt messaġġ mingħand xi ħadd li jħobb isegwi il-blog tiegħi. F’dan il-messaġġ talabni biex nitkellem jew nikteb dwar xi ħaġa li qed tiġri fil-Knisja, b’mod partikolari dwar ir-rwol tal-parrinijiet fil-magħmudijiet. Dan l-individwu staqsa għala żewġ nanniet nisa ma jistgħux ikunu parrinijiet fil-magħmudija tan-neputijiet tagħhom?  Għaliex bil-fors irid ikun hemm raġel u mara? U qalli li staqsa diversi saċerdoti (qassisin u patrijiet) u jgħidulek li jridu jkunu ragel u mara iżda għalfejn ħadd minnhom ma tani spjegazzjoni. 

Dan kompla qalli l-mara tiegħu ddispjaċuta ferm li tħalliet barra minħabba dan il-fatt. Fl-opinjoni tagħna, din hija tradizzjoni li ma għadhiex tgħodd għal-lum. Huwa kompla jgħidli li “biex inkun open miegħek Prof Merceica, ħadd miż-żewġ nisa li ridna li jgħammdu ma huma Lesbiċi.  Kollha nisa etero, tal-familja u għandhom ħafna tfal!” 

Nixtieq li tiftaħ daqsxejn ta’ diskussjoni u jekk tista’ tagħtini tweġiba għal ma jistgħux ikunu żewġ nisa nanniet tal-affari tagħhom jew żewġ irġiel nanniet napprezza ferm”.

Naħseb li dan is-sinjur kitibli għaliex jien nagħmel “family reconstruction” u studji tal-ġenjoloġija fl-Universita’ ta’ Malta. Dan beda meta, bħala parti mill-istudji tiegħi tad-dottorat fi Franza, daħħalt aktar minn kwart ta’ miljun individwu fid-database. Dawn ħadthom billi kkuppjajt l-atti oriġinali tal-magħmudijiet, żwiġijiet u mwiet ta’ diversi parroċċi.

Il-problema qegħda hawn. Il-Knisja Kattolika għaddiet minn żviluppi matul iż-żminijiet u d-drawwiet fi ħdana jinbiddlu. Dak li jiġri fir-riti tal-Knisja, inkluż il-parrinijiet fil-magħmudija huma marbut bil-liġi kanonika viġenti. Dak li ftit jafu huwa li din il-prassi li jrid ikun hemm raġel u mara u ma jistax ikunu tnejn tal-istess sens hija pjuttost riċenti u mhux dejjem kienet hekk fil-knisja. Din prassi ddaħħlet b’riżultat tal-influwenzi tal-ugwaljanza fost is-sessi fuq il-Knisja. Fil-passat ma kien hemm xejn li jorbot kemm ikun hemm parrinijiet fil-magħmudija u l-anqas dwar is-sess tagħhom. Jekk wieħed iħares lejn ir-reġistri tal-magħmudija l-qodma, jiġifieri dawk tas-seklu sittax u sbatax jibda jsib li meta niġu għall-parrinijiet ma kien hemmx din il-prassi. Tara magħmudija u fiha ssib parrinu raġel wieħed. Tara oħra u ssib li fiha kien hemm tliet irġiel u xejn nisa. Tara oħra u ssib li parrina kienet mara u kienet waħidha. Tara oħra u l-parrinijiet kienu aktar minn mara waħda u xejn irġiel. Imbagħad beda jiġri – bħala prassi – li kienu jiġu mqegħda koppja, jiġifieri mara u raġel miżżewġin lil xulxin. Imma anki hawn ma hemm xejn bil-miktub. Kellek każijiet fejn – bħal llum, issib mara u raġel parrinijiet li ma jiġux minn xulxin. Anki tfal taħt l-eta’ ġieli tqegħdu bħala parrinijiet.

Illum il-parrinijiet huma regolati mill-kapitlu IV tal-liġi kanonika. L-att 873 huwa ċar: għandu jkun hemm parrinu wieħed maskili jew parrina waħda femmili jew wieħed minn kull sess. Fi kliem ieħor raġel waħdu jista’ joqgħod parrinu. Mara waħidha tista’ toqgħod parrina. Imma jekk irid ikun hemm aktar, kull ma jista’ jkun hemm huwa sa tnejn u dawn iridu jkun mara u raġel. (Can. 873 There is to be only one male sponsor or one female sponsor or one of each). Din id-deċiżjoni ġiet biex jinqata’ l-prassi l-qadima li seta’ jkun hemm aktar minn tnejn li jkunu parrinijiet. Min-naħa l-oħra, parrinu jew parrina jrid ikunu għalqu s-sittax-il sena. Imma Can. 874 §2. jippermetti persuni taħt is-sittax biex ikunu anki parrinijiet jekk l-isqof tad-djoċesi jniżżel din l-eta’ jew inkellha jagħti permess speċjali.

Nispera li tajtek it-tweġiba li xtaqt.

2 thoughts on “Il-parrinijiet fil-magħmudijiet

  1. Xorta Profs nixtieq insaqsi – ejja nghidu li jkollok kaz fejn per ezempju z-zewg nanniet irgiel mietu u ghadhom hajjin biss iz-zewg nanniet nisa. U l-genituri tat-tarbija jixtiequ li jpogguhom parrinijiet. Allura f’dawn il-kazijiet ma jistax ikun hemm eccezzjonijiet?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *