Is-silenzju ta’ Konrad Mizzi

Minn osservatur politiku

Minflok tippontifika fuq Mark Camilleri, il-media tal-PN għadha tiffoka fuq is-silenzju ta’ Konrad Mizzi fuq dak kollu li qed jiġri f’pajjiżna. Dan is-silenzju jissorprendik. L-eks-ministru għażel li ma jikkummenta xejn minn kemm ilha li ħarġet is-sentenza tal-qorti dwar l-isptarijiet. Ismu ssemma diversi drabi, anke fis-sentenza tal-Imħallef, imma Mizzi għażel li ma jgħid xejn u jibqa’ b’ħalqu magħluq. Min jaf għalfejn tgħid?

L-ideali jgħidlek li tagħmel sew jekk tieħu fuqek ir-responsabilita politika. Tkun qed iżżomm lilek innifsek kontabbli, tkun qed turi rispett lejn kull min tak il-vot tiegħu u tkun qed turi lealta’ lejn dawk in-nies li kienu madwarek fiż-żmien tal-kampanja elettorali u anke qabel. Huwa għalhekk li Konrad Mizzi jissorprendik għax donnu ġie jaqa’ u jqum minn dak kollu li qed jintqal speċjalment fuqu.

Dan Mizzi dejjem ħassu komdu li jikkummenta kull meta jissemma ismu, speċjalment meta kien qed ikun kritikat fuq il-Panama Papers. Imma din id-darba baqa’ sieket għal kollox. Kien ikun interessanti li kieku tana l-veduti tiegħu fuq dak kollu li ħareġ mis-sentenza tal-Imħallef. Din kienet sentenza li tefgħet ħafna dubji fuq l-integrita’ tiegħu. Din kienet sentenza li ċapsitu f’diversi istanzi tal-proċess kollu li fuqu kienet infetħet il-kawża. Din kienet sentenza li semmietu b’ismu u ma jistax jgħid li ma kienx hemm referenza diretta għalih.

Konrad Mizzi ippronunzja ruħu diversi drabi, u addirettura ddefenda ruħu fil-Public Accounts Committee, meta ssemma fuq il-kuntratt tal-ElectroGas. Ma qagħadx lura li jiċċara l-affarijiet skont kif jarahom hu, imma ma jfissirx li l-argumenti tiegħu kienu viċin is-sewwa. Imma dejjem tkellem. Niftakruh jippronunzia ruħu fuq is-17Black u fuq il-Panama Papers.

Sfortunatament għalih u għall-poplu kollu, ismu huwa mċappas ma’ kull skandlu u kull episodju li poġġa f’diffikultajiet kbar lill-partit tiegħu, il-Partit Laburista. Fil-fatt naħseb li huwa obligat li jagħti rendikont ta’ għemilu lill-istess Partit Laburista li bis-saħħa tiegħu kien sar popolari u saħansitra rappreżentant tal-poplu Malti fil-Parlament. Għandu jkun onest ma’ dawk il-laburisti kollha li tawh tant appoġġ u tant ivvutawlu bil-qalb.

Fil-kwistjoni tal-isptarijiet, Konrad Mizzi għandu ħafna għal x’hix jirrispondi. Meta ssemma ismu fis-sentenza kien b’referenza ta’ kuntratti li huwa ffirma u hemm ċans li dan għamlu minn wara dahar il-kabinett li kien jagħmel parti minnu għal ħafna snin. Is-silenzju tiegħu jista’ jirrifletti u jitfa’ fuqu ħtija. B’dan is-silenzju tiegħu jista’ jfisser li qed jagħmel ammissjoni ta’ għemilu.

2 thoughts on “Is-silenzju ta’ Konrad Mizzi

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *